Futbol Sport

Valletta jiksbu draw kontra Gżira minkejja li lagħbu t-tieni taqsima b’għaxar players

(Ritratt: Catriel Farrugia)

GŻIRA U ……………….. 1

VALLETTA …………….. 1

Gżira: D.Zarkov, G.Bohrer, M.Cosic, N.Muscat, S.Pisani (C.Gauci 70’), Z.Scerri, A.Pavic, N.Portelli, M.Maia, J.De Assis, J.Mendoza

Valletta: A.Guarnone, J.Borg, R.Camilleri, S.Dimech (R.Muscat 60’), M.Sansone, E.Pena Beltre, I.Curjuric, E.Sala (T.Caruana 73’), C.Prado (A.Zammit 73’), M.Fontanella, L.Campos (Y.Cini 46’),

Referee: S.Petrovic

Assistenti Referees: J.Spiteri, M.Ciantar

Fin-National Stadium Gżira u Valletta temmew fi draw ta’ 1-1, minkejja li dawn tal-aħħar lagħbu t-tieni taqsima b’raġel inqas. B’dan id-draw Gżira u Valletta baqgħu fil-ħames u s-sitt post rispettivament b’21 punt.

Fl-ewwel minuti tal-partiti iż-żewġ timijiet ħarġu kawti bil-logħob ikun maqsum f’nofs il-grawnd. Fl-24 minuta l-ewwel azzjoni denja ta’ nota għal Gżira meta Steve Pisani waqqa’ lejn Jackson Mendoza li minn tarf il-kaxxa tefa’ għoli. Fit-32 minuta minn pass fit-tul ta’ Gabriel Bohrer, il-midfielder Maxwell Maia prova jqabbeż il-ballun bir-ras minn fuq il-goalkeeper Alessandro Guarnone, iżda dan tal-aħħar laħaq tajjeb.

Fit-43 minuta l-ewwel azzjoni perikoluża għal Valletta meta l-freekick ta’ Ivan Curijic kien salvat tajjeb mill-goalkeeper Darijan Zarkov. Mal-ftuħ tat-tieni taqsima Valletta spiċċaw b’10 plejers meta tkeċċa għalihom il-goalkeeper Alessandro Guarnone, wara li waqqa’ lil Maxwell Maia, li sab ruħu f’okkażżjoni ċara ta’ skor minn pass tajjeb ta’ Jefferson De Assis. Mill-azzjoni ta’ wara Steve Pisani ra l-freekick tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper sostitut Yenz Cini.  

Fid-49 minuta Gżira għal darb’oħra perikolużi meta minn cross ta’ Nikolai Muscat kien Zac Scerri li tefa’ għoli minn posizzjoni favorevoli. Gżira komplew iżidu l-attakki fit-63 minuta meta minn ballun fit-tul ta’ Steve Pisani il-volley ta’ Nikolai Muscat għadda barra mil-lasti ta’ Valletta. Minkejja l-pressjoni kontinwa ta’ Gżira, kienu Valletta li marru fil-vantaġġ fit-80 minuta meta minn corner ta’ Ivan Curijic, Jean Borg kompla bir-ras lejn Tristan Caruana, li żmarkat waħdu fit-tieni lasta għeleb lil Zarkov bir-ras għal 1-0.

Minkejja dan żewġ minuti wara Gżira kisbu d-draw meta minn cross ta’ Antonio Pavic kien Maxwell Maia li għola bir-ras u xeħet fix-xibka għal 1-1. Fid-90 minuta Gżira b’ċans tad-deheb li jirbħu l-partita meta għla darb’oħra Jefferson de Assis żmarka lil Maxwell Maia, li ra l-konklużjoni tiegħu salvata tajjeb minn Yenz Cini.