Lokali

Approvat l-ewwel qari tal-abbozz imressaq mill-PN b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika

Kien approvat l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi mressaq mill-PN b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. Dan wara li l-Kap tal-PN Bernard Grech ippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex dan l-abbozz jgħaddi mill-ewwel qari u jkun diskuss fi stadju ta’ tieni qari nhar il-Ħamis li ġej.

Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-PN Bernard Grech, wara qbil mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, ressaq abbozz ta’ liġi li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan sar bl-iskop li f’pajjiżna jkun hawn aktar sigurtà u serħan il-moħħ.

Fost l-abbozzi mressqa li jinsabu fi ħdan l-abbozz hemm: Att li jelenka d-dmirijiet tal-Gvern fl-interess tal-ġid komuni, Att li jipprovdi għad-dmirijiet ta’ Gvern interim, Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat għal kull min bi vjolenza jew theddid, jew b’offerta jew wegħda ta’ flus jew ta’ kull xorta ta’ utli ieħor, jisforza jew iwassal lil xi ħadd ieħor biex ma jiddikjarax xi ħaġa jew jiddikjara xi ħaġa li mhux minnha, u kif ukoll Att biex jipprovdi għall-għola protezzjoni possibbli għad-dritt ta’ ġurnalizmu ħieles, indipendenti u imparzjali bħala wieħed mill-pillastri ewlenin tas-Saltna tad-Dritt.