Lokali

Danica Muscat tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna

Il-kantanta lokali ta’ 27 sena, Danica Muscat rebħet it-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna bil-kanzunetta ‘The Best’… kompetizzjoni tal-kant organizzata minn DCapitals Big Band taħt id-direzzjoni ta’ Mro. George Apap.

Muscat kantat l-aħħar waħda fost l-24 parteċipant, u ta’ din l-interpretazzjoni, il-ġurija professjonali komposta minn Sylvana Attard, Ludwig Galea u Antonella Vassallo għażlitha kemm bħala r-rebbieħa ta’ Sezzjoni Ċ, kif ukoll tal-festival.

Fil-passat, Danica Muscat ħadet sehem fil-programm televiżiv Taljan, Io Canto; fil-Malta Junior Eurosong; il-Malta Eurovision Song Contest; is-Summer Hit Song Contest; il-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll aktar riċenti; Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija fejn aktar tard din is-sena ħa tkun qiegħda terġa’ tipparteċipa, din id-darba bil-kanzunetta Ossiġnu f’kollaborazzjoni ma’ Kapitlu Tlettax.

Ir-rebbieħa l-oħra tat-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna jinkludu lil Elisa Buttiġieġ bil-premju Distinct Talent Award; Kylie Micallef u Krista Chircop fl-ewwel u t-tieni post ta’ Sezzjoni A; Eliana Gomez Blanco u Maya Cauchi fl-ewwel u t-tieni post ta’ Sezzjoni B; u Bradley Debono fit-tieni post ta’ Sezzjoni Ċ.