Lokali

Graziella Galea tieħu l-ġurament bħala membru parlamentari

Graziella Galea ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala Deputat ġdid fil-Parlament Malti. Dan wara li ġiet co-opted biex tieħu post David Thake fil-Kamra tar-Rapprezentanti.

Il-perit Graziella Galea ħadet il-ġurament fil-bidu tas-seduta tat-Tnejn. U ftit wara, wasslet ukoll l-ewwel messaġġ tagħha f’din l-okkażjoni speċjali fejn saħqet li permezz ta’ dan l-irwol il-ġdid, hi se tkun qed taħdem għall-ġid ta’ pajjiżna.

Kien il-Kap tal-PN, Bernard Grech illi innomina lil Galea wara li hi kienet kandidata fl-elezzjoni tal-2017 f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kien approva unanimament isem Graziella Galea għall-co-option waqt laqgħa li saret l-Erbgħa ‘l għadda.

Dawn l-iżviluppi seħħew wara li David Thake kien ippreżenta r-riżenja mill-Parlament u rtira wkoll il-kandidatura tiegħu minn mal-Partit Nazzjonalista.

Għal dawn l-aħħar snin, Graziella Galea kienet il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u fil-passat serviet ukoll bħala Sindku tal-istess lokalità.