Internazzjonali

Il-kriżi tal-Ukrajna: Ħaddiema tal-ambaxxati u qrabathom jintbagħtu lura pajjiżhom fost ‘indikazzjonijiet ta’ gwerra’

Ir-Renju Unit u l-Istati Uniti qed jirtiraw il-ħaddiema mill-ambaxxati tagħhom fi Kiev fi żmien meta eluf kbar ta’ truppi Russi jinsabu stazzjonati mal-fruntiera tal-Ukrajna. Fil-fatt, l-Ewropa setgħet spiċċat fuq l-għatba tal-gwerra meta kibret il-possibbiltà ta’ invażjoni tat-territorji Ukreni mill-qawwiet tar-Russja.

Sadanittant, xi pajjiżi fir-reġjun u l-madwar qed jieħdu l-miżuri għall-possibbiltà ta’ ‘aggressjoni mir-Russja’. L-Iżvezja bagħtet il-mijiet tat-truppi lejn il-gżira strateġika ta’ Fotland, fil-Baħar Baltiku waqt li d-Danimarka żiedet il-preżenza militari fl-istess reġjun. It-tensjoni anki kompliet issaħħaħ id-dibattitu, fl-Iżvezja u l-Finlandja, dwar jekk il-pajjiżi għandhomx jissieħbu fl-Alleanza tan-NATO.

Fl-aħħar sigħat, ir-Renju Unit kompla jirtira lill-istaff diplomatiku mill-Ukrajna, fost spekulazzjoni li l-azzjoni militari tar-Russja ( kontra l-Ukrajna) kapaċi tkun  imminenti. L-uffiċjali, fl-istess ħin, tennew li ma kien hemm l-ebda theddid speċifiku fil-konfront tad-diplomatiċi Britanniċi.

L-Istati Uniti wkoll ordnat biex il-qraba tal-ħaddiema fl-Ambaxxata Amerikana fi Kiev jitilqu mill-pajjiż fost kummenti li ‘l-invażjoni (mill-qawwiet Russi) kapaċi sseħħ fi kwalunkwe ħin’. Dan il-pass kien imfisser bħala prekawzjoni, bil-potenzi għadhom qed isegwu s-sitwazzjoni. Ma jidhirx li l-istaff tal-Unjoni Ewropea, għalissa, se jinħarġu mill-Ukrajna, b’Josep Borrell, bħala l-uffiċjal ewlieni nkarigat mill-politika barranija tal-Unjoni, jisħaq li ‘mhux beħsiebu jiddramatizza t-tensjoni’.

Għalissa mhux ċar x’għandu f’moħħu eżattament il-President tar-Russja, Vladimir Putin. U waqt li r-Russja għadha tiċħad li qed taħseb biex tinvadi lill-Ukrajna, il-potenzi tal-Punent – l-Istati Uniti, in-NATO, ir-Renju Unit u l-UE – qed jinkwetaw li Moska qed taħdem fuq strateġija biex ‘tifred u tiddistabbilizza’ lill-Ewropa; . Dan meta r-Russja tista’ qed taħseb biex taqleb il-bilanċ tal-poter fuq l-istil kontinentali għal sitwazzjoni (fl-Ewropa) li aktar tiffavorixxi lill-Kremlin.