Lokali

Il-kuntratt ta’ Carmen Ciantar għandu l-barka ta’ Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela ta l-barka tiegħu sabiex iċ-Chief of Staff tal-Ministru Chris Fearne tingħata paga ta’ 13,000 ewro fix-xahar.

Rapport f’The Shift News żvela kif Robert Abela ta l-approvazzjoni tiegħu għal dan il-kuntratt f’April tas-sena li għaddiet.

U issa, wara li ħareġ dan kollu, il-Ministri tal-Gvern għadhom xorta qed jiddefendu dan il-kuntratt skandaluż. Fosthom Silvio Schembri …li fl-ebda mument ma kkundanna t-13,000 ewro fix-xahar li qed iddaħħal Carmen Ciantar; meta lin-nies il-Gvern tahom biss żieda ta’ 1.75.

Carmen Ciantar ngħatat żewġ kuntratti mal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi… fl-2016 bħala Kap Eżekuttiv… b’kuntratt ta’ tliet snin u salarju ta’ 80,000 ewro fis-sena. U wara li ħadmet qatigħ fil-kampanja sabiex Chris Fearne jiġi elett fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet hija ngħata żieda ta’ 20,000 ewro fis-sena.

Imbgħad, fi tmiem l-ewwel kuntratt ta’ Ciantar, f’nofs l-2019, Chris Fearne ta liċ-Chief of Staff tiegħu… kuntratt ieħor, din id-darba għal ħames snin… b’paga ta’ madwar €13,500 fix-xahar.

Filwaqt li l-kuntratt tal-FMS diġà ġie ddikjarat bħala irregolari mill-Awditur Ġenerali, il-Prim Ministru Robert Abela ma ħa l-ebda azzjoni.

L-unika reazzjoni ta’ Abela kienet li qed joqgħod fuq dak li qal Chris Fearne, u li l-kuntratt ta’ Carmen Ciantar se jiġi rivedut fi tmiem it-terminu tiegħu, jiġifieri fl-2024. Sa dak iż-żmien, iċ-Chief of Staff ta’ Fearne tkun irċiviet madwar €700,000.