Lokali Qorti

Il-mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ Maria Efimova differit ‘sine die’

Il-mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ Maria Efimova, eks impjegata tal-Bank Pilatus u li fl-2017 għaddiet data lill-ġurnalista investigattiva maqtula Daphne Caruana Galizia fejn kienet żvelat li kumpanija sigrieta bbażata fil-Panama – Egrant, Inc. – kienet tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u ta’ martu Michelle Muscat, ġiet differita ‘sine die.’

Il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia staqsiet lill-Prosekuzzjoni jekk kienx hemm xi żvilupp dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ Efimova mill-aħħar seduta, bil-Qorti tiġi nfurmata li ma kien hemm l-ebda żvilupp u li lanqas minn Malta ma saru xi tentattivi oħra l-arrest tagħha.

Efimova hija mixlija li għamlet akkużi foloz kontra l-Assistent Kummissarju Denis Theuma u l-eks Spettur Jonathan Ferris ul-Ispettur Lara Butters. Ingħad lill-Qorti li l-Pulizija Maltija ma kinitx infurmata mis-SIRENE-Office tal-Europol u lanqas mill-alert tas-sistema Schengen.

Il-Maġistrat Farrugia qalet li invista ta’ l-aħħar seduta fejn il-Qorti diġa kienet iddiferixxiet il-kawża għall-aħħar darba għal informazzjoni ulterjuri, kienet għalhekk ħalliet il-każ ‘sine die’ u talbet lill-invetigaturi biex jekk ikun hemm xi żviluppi jinfurmawha.

Caruana Galizia kienet qed tinvestiga xibka kkomplikata ta’ skemi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus f’Malta abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-iskandlu tal-Panama Papers tal-2016. Sitt xhur wara li  ppubblikat din l-informazzjoni nqatlet meta splodiet karozza bomba ġewwa l-vettura tagħha waqt li kienet qed issuq qrib id-dar tagħha fil-Bidnija.

Għall-ewwel, Efimova aġixxiet bħala sors anonimu għal Caruana Galizia, iżda meta bdiet l-investigazzjoni uffiċjali, l-identità tagħha ġiet żvelata mill-assistent tal-maġistrat inkwirenti. Efimova, żewġha u ż-żewġt itfal ħarbu mill-pajjiż u fittxew kenn fil-Greċja ftit wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.

B’reazzjoni għall-aħbar li qed tintalab tiġi lura Malta biex tiġi proċessata, fuq Facebook Maria Efimova kkritikat lill-gvern talli ħareġ warrant minflok ta l-istatus ta’ whistleblower.. Efimova qalet li Malta kienet diġà saret “pajjiż li kulħadd qed jitmejjel bih fl-Ewropa” minħabba “prattiċi korrotti”.​

Kemm il-darba hija qalet li kienet ħarbet biex tipproteġi lilha nnifisha u lill-familja tagħa.  Efimova, kienet diġà rebħet battalja kontra l-gvern Malti meta talbet l-estradizzjoni tagħha lura f’ 2018 u qorti Griega ddeċidiet kontra l-mandat ta’ arrest u t-talba għall-estradizzjoni.

Efimova qalet ukoll li kienet qed tirċievi theddid permezz ta’ Facebook. “Erġa ejja Malta jew inkella se nsibukom mod jew ieħor. Għandek id-drittijiet x’tħallas hawn, giddieba!!!” huwa eżempju tat-tipi ta’ messaġġi li kienet il-mira magħhom.