Lokali

Il-Ministru Clyde Caruana jaħbi l-informazzjoni dwar kemm applikaw ħaddiema

Għaddiet ġimgħa, u sa issa ħadd ma jaf kemm mill-ħaddiema tal-Air Malta li tkeċċew mill-impjieg tagħhom applikaw biex issa jmorru jaħdmu mal-Gvern… bil-Ministru Clyde Caruana jagħżel li jżomm segretezza assoluta.

Ftit tal-jiem ilu kwazi 500 ħaddiem tal-Air Malta tkeċċew mill-impjieg tagħhom.. u wara ġimgħa, dawn il-ħaddiema għadhom sa issa ma jafux fiex se jkun qed jikkonsisti x-xogħol il-ġdid li qed joffrilhom il-Ministru.

U quddiem din is-sitwazzjoni li qed taffettwa lil għexieren ta’ ħaddiema… il-Ministru Caruana qed jgħid li kien kruċjali li jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Għalkemm fl-ebda ħin ma wieġeb għad-dikjarazzjoni li għamel Konrad Mizzi fl-aħħar jiem meta qal li hu ħalla l-linja nazzjonali tal-ajru fuq saqajha.

U hekk kif il-ħaddiema tal-AirMalta jinsabu fil-għama dwar x’se jiġri mill-futur tagħhom, u l-Gvern ma kellux flus biex iżommhom mal-kumpanija…. iċ-chief of staff tal-Ministru Chris Fearne għadha qed iddaħħal iktar minn 13,000 ewro fix-xahar. Eluf li għall-ħaddiema tal-Air Malta ma sabuhomx. Mistoqsi dwar dan il-Ministru Caruana ħarab mill-mistoqsija u qal li fil-futur għandu jkun hemm gwida ċara tal-ħlasijiet…tweġiba illi fiha innifisha twisser li għalissa, il-kuntratt ta’ 13,000 ewro għac-Chief of Staff ta’ Chris Fearne….se jinżamm.

Intant, tlabna wkoll lill-Ministru tal-Finanzi jgħidilna jekk iħossx li għandu jitlob apologija lil diversi sidien ta’ negozji wara li ftit tal-jiem ilu qabbilhom mal-komunista… bil-Ministru jwieġeb li ma jħossx li għandu jitkob skuża għax ma jaħsibs li qal xi ħaġa ħażina.