Internazzjonali

Il-WHO: L-Ewropa tista’ qed tersaq viċin it-tmiem tal-pandemija — iżda l-popli jeħtieġu li jibqgħu kawti

Id-Direttur tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) b’responsabbiltà għall-Ewropa qal li l-pandemija tal-Covid-19, issa, tinsab fil-fażi ġdida li kapaċi twassal lejn it-tmiem ta’ din l-era diffiċli għall-kontinent.

Madankollu, Hans Kluge qed iwissi xorta waħda għall-kawtela waqt li enfasizza li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid li l-pandemija, issa, niżlet għal livell endemiku. Fil-fatt, Kluge saħaq li peress li l-varjant tal-Omicron, bħalissa, qed jinferex ma’ kullimkien, wieħed irid iqis ukoll il-possibbiltà li jfeġġu l-varjanti ġodda tal-Covid fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Hans Kluge sostna li l-Omicron kapaċi jinfetta mas-60 fil-mija taċ-ċittadini tal-Ewropa sa Marzu. Iżda hu ħalla xaqq ta’ tama bil-kumment li l-Ewropa, ‘il quddiem, tista’ tgħaddi minn ġimgħat u anki xhur ta’ immunità ladarba tonqos il-mewġa attwali tal-Omicron.

Dan mistenni jkun possibbli grazzi għall-programmi tat-tilqim intensivi fil-pajjiżi Ewropej u għall-fatt li għexieren ta’ eluf ta’ nies madwar l-Ewropa kisbu livell ta’ immunità wara li mardu bil-Covid jew spiċċaw esposti għall-virus.

Kluge spjega li li l-Organizzazzjoni tiegħu qed tistenna li l-Ewropa, lejn nofs is-sena, tgħaddi ‘minn perjodu ta’ kwiet relattiv fir-rigward tal-virus’. Dan ma jfissirx li l-virus ma jistax jirritorna lejn l-aħħar tal-2022 – għalkemm mhux neċessarjament fil-forma ta’ pandemija.

Mistoqsi jekk hemmx il-ħtieġa ta’ raba’ doża tal-vaċċin għat-tmiem tal-pandemija, Hans Kluge, waqt li addotta ton kawt, qal li d-dinja tax-xjenza, għalissa, taf biss li l-immunità tal-ġisem tieħu spinta sinifikanti wara kull tilqima kontra l-Covid.

Il-Kummissarju Ewropew għas-Swieq Interni, Thierry Breton qal, fl-aħħar sigħat, li ‘il quddiem se jkun possibbli biex ix-xjenza medika tikkonfronta l-varjanti ġodda li kapaċi jfeġġu b’xi tibdil għall-vaċċini eżistenti. Breton, li hu responsabbli għall-produzzjoni tal-vaċċini fl-Ewropa, qal, waqt intervista, li ‘il-kontinent, ‘il quddiem, se jkun attrezzat aħjar biex jirreżisti għall-varjanti futuri (tal-Omicron) li jistgħu joħorġu.

Min-naħa tiegħu, ix-xjenzat Anthony Fauci, li hu l-konsulent ewlieni dwar il-Covid fl-Istati Uniti, ukoll qed jaddotta ton ottimist dwar l-aħħar żviluppi tal-Covid — u meta l-infezzjonijiet ħadu daqqa kbira ‘l isfel f’diversi bnadi tal-pajjiż. Intant, Fauci ukoll qed iħeġġeġ għall-kawtela fost il-poplu, meta l-awtoritajiet mediċi fl-Istati Uniti għadhom isegwu bir-reqqa l-iżviluppi lokalizzati tal-pandemija.

Anki L-Uffiċċju reġjonali tal-WHO għall-Afrika qal li l-każi tal-Covid fir-reġjun naqsu fl-aħhar jiem u li l-imwiet relattati għall-virus   qegħdin jonqsu għall-ewwel darba mindu l-kontinent għadda mill-agħar perjodu tar-raba’ mewġa tal-coronavirus li hi ddominata mill-Omicron.