Internazzjonali

Laura Pausini fost il-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena

Ritratt: wiwibloggs

Sorsi fil-media internazzjonali qed jgħidu li Laura Pausini, Alessandro Cattelan u Mika se jkunu l-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena li se jsir f’Turin. Dan mistenni jitħabbar b’mod uffiċjali waqt il-festival ta’ Sanremo li se jsir fil-bidu ta’ Frar.

Is-sit wiwibloggs qal li t-tħabbira uffiċjali mistenni ssir fit-tieni serata tal-Festival ta’ Sanremo fit-2 ta’ Frar hekk kif il-kantanta Lauri Pausini se tkun il-mistiedna speċjali ta’ din is-serata. Pausini hija waħda mill-iktar kantanti Taljani rinomati madwar id-dinja kollha.

Laura Pausini u Alessandro Cattelan jidher li diġà ffirmaw il-kuntratti tagħhom, filwaqt li Mika, li kemm-il darba ċaħad l-involviment tiegħu, jingħad li jinsab lest li jiffirma l-kuntratt tiegħu b’mod imminenti.

Alessandro Cattelana huwa preżentatur Taljan magħruf l-aktar għall-preżentazzjoni tal-edizzjoni Taljana ‘Total Request Live’. Filwaqt li Mika jibqa’ mesmmi għas-silta li għamlet suċċess internazzjonali ‘Grace Kelly’.

Pajjiżna mistenni jagħżel ir-rappreżentant tiegħu għall-Eurovision Song Contest bejn is-17 u d-19 ta’ Frar. Dan hekk kif wara nuqqas ta’ tliet snin, se jerġa’ jirritorna l-Malta Eurovision Song Contest.

Mit-22 semifinalista li se jieħdu sehem, jingħażlu sittax-il finalist permezz ta’ ġurija flimkien mal-vot tal-pubbliku. L-għażla finali għal kanzunetta rebbieħa se ssir nhar id-19 ta’ Frar bir-rebbieħ jirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Mejju li ġej f’Turin, fl-Italja.