Internazzjonali

Sirja: Mijiet ta’ tfal miżmuma mill-ISIS waqt battalja għall-kontroll ta’ ħabs

Żdiedet il-biża’ dwar x’għadda minn mijiet tat-tfal li spiċċaw f’idejn il-ġellieda tal-ISIS li qegħdin jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom f’kumpless ta’ ħabs lejn il-grigal tas-Sirja.

L-indikazzjonijiet huma li xi 850 tfal spiċċaw fil-ħabs ta’ Ghwayran li jiem ilu kien assedjat mill-ġiħadisti tal-ISIS — bl-aħħar jiem ikunu karatterizzati minn battalji bejn dawn it-terroristi u l-qawwiet tal-Kurdi, megħjuna mill-ajruplani tal-gwerra tal-Istati Uniti.

Mietu talanqas 140 persuna mindu l-ġiħadisti tal-ISIS bdew l-assalt biex jeħilsu lill-eluf tal-membri suspettati tal-ISIS mill-kumpless ta’ ħabs li sa ftit ilu kien taħt il-kontroll tal-Kurdi.

Ftit tas-snin ilu, l-Alleanza tal-qawwiet Kurdi appoġġjata mill-qawwiet ta’ koalizzjoni taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti kienet irreżistiet u għelbet lit-terroristi tal-ISIS li kienu ħadu f’idejhom diversi territorji tas-Sirja. Id-disfatta militari tal-ISIS fis-Sirja saret uffiċjali f’Marzu tal-2019 iżda xorta waħda fadal il-gruppi tat-terroristi fil-pajjiż bil-kapaċità li jwettqu l-attakki kontra l-qawwiet tas-sigurtà u z-zoni ċivili.