Lokali

Strajk mil-letturi tal-JC hekk kif il-Gvern qed itihom il-ġenb

L-MUT estendiet l-azzjonijiet industrijali għal strajk ta’ jumejn minħabba nuqqas ta’ konklużjoni ta’ ftehim kollettiv għal-letturi li jgħallmu l-Junior College.

Dan il-ftehim kollettiv skada f’Diċembru ta’ tliet snin ilu, bil-Gvern qed jibqa’ jinjora t-talba tagħhom biex jikkonkludu n-negozjati sabiex jidħol fis-seħħ ftehim ġdid.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-MUT qalet li l-Awtoritajiet qed iġibu skuża bl-instabbiltà fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, b’mod speċjali fid-dawl tat-tibdil ta’ erba’ Ministri, biex jevitaw li ssir xi forma ta’ ftehim.

Nuqqas t’azzjonijiet li qed jitqiesu bħala nuqqas ta’ stima li l-Gvern għandu lejn il-letturi li jagħtu servizz fil-Junior College… sitwazzjoni li ilha għaddejja minn Awwissu ‘l għadda.

L-istrajk, li beda b’sagħtejn it-Tnejn u jkompli matul il-ġurnata kollha tat-Tlieta, qed jiġi wara sitt ijiem ta’ direttivi lil-letturi tal-Junior College… bl-MUT tisħaq li se tkun qed tkompli għaddejja b’azzjonijiet oħra f’waqthom jekk il-Gvern ikompli jinjora t-talba għad-diskussjoni.