Lokali

Abela għandu test ieħor quddiemu – il-PN

Robert Abela għandu test biex juri kemm verament jemmen dak li jgħid u tabilhaqq juri li jiddefendi lill-istituzzjonijiet. Dan wara li llum, il-Whip tiegħu Glenn Bedingfield infexx f’attakki bla preċedent fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li, għaldaqstant, jikkundanna bla riżervi dan l-aġir u dan l-attakk.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dak li għamel Glenn Bedingfield fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhu xejn għajr pressjoni intenzjonata biex jipprova jintimida lill-Maġistratura u lill-istituzzjonijiet bl-iskop li jxekkilhom milli jagħmlu xogħolhom.

Robert Abela għandu jieħu azzjoni b’mod immedjat fil-konfront tal-Whip tal-Gvern u jekk ma jagħmilx hekk, hu kompliċi miegħu f’attakk bla preċedent.

Il-maskra ta’ Robert Abela waqgħet. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern għamel minn kollox biex ma jiddiskutix l-Abbozz ta’ Liġi li jindirizza l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza, il-biża’ li qed taħkmu qed iġġiegħlu jattakka lill-istess istituzzjonijiet li sa ftit ilu kien qed jgħid li qed jagħmlu xogħolhom, temmet tgħid l-istqarrija.