Futbol Sport

Anthony Martial jingħaqad ma’ Sevilla F.C b’self sal-aħħar tal-istaġun

L-attakkant Franċiż ta’ Manchester United Anthony Martial wasal Spanja sabiex jiffirma ma’ Sevilla b’self sal-aħħar tal-istaġun. Martial, li nhar is-Sibt kontra West Ham daħal bħala sostitut u beda l-azzjoni tal-gowl li ta r-rebħa lir-Red Devils, aktar kmieni dan ix-xahar talab li jiċċaqlaq sabiex ikun jista jilgħab aktar. Il-midja internazzjonali kienet qed tirraporta li bosta timijiet kienu interessati fis-servizzi tal-Internazzjonali Franċiż fosthom Juventus u Barcelona iżda prefera lil Sevilla għax iħoss li magħhom se jkollu l-opportunità li jilgħab aktar.

Skond dak irrapurtat, l-Ispanjoli se jkunu qed iħallsu l-paga kollha ta’ Martial sal-aħħar tal-istaġun u ma’ hemm l-ebda għażla għal trasferiment permanenti, u għalhekk l-eks Monaco jirritorna Old Trafford fi tmiem l-istaġun. Martial, li għandu 26 sena, ingħaqad ma’ Manchester United fl-2015 u minn dakinhar skorja 79 gowl minn 269 logħba. Sevilla jinsabu fit-tieni post ta’ La Liga b’46 punt, erba’ punti taħt il-leaders Real Madrid.