Lokali

Birdlife Malta tiċċelebra is-60 anniversarju

BirdLife Malta llum tagħlaq 60 sena! L-eqdem għaqda ambjentali f’Malta qed tiċċelebra 60 sena ta’ ħidma, suċċessi u kisbiet. Kien fil-25 ta’ Jannar 1962 meta twaqqfet BirdLife Malta – dak iż-żmien magħrufa bħala s-Soċjetà Ornitoloġika ta’ Malta (MOS).

Din is-sena se tkun waħda li matulha BirdLife Malta tirrifletti fuq l-aħħar 60 sena b’apprezzament speċjali lil dawk kollha li jiddedikaw ħinhom u l-enerġija tagħhom għall-ħarsien tal-għasafar u l-ħabitati tagħhom, mill-fundaturi sad- diversi voluntieri matul is-snin.

L-2022 se tkun sena li matulha ser ikunu qed jiġu ċċelebrati l-istejjer ta’ suċċess bħall-bidu tal-ħidma edukattiva fl-iskejjel, it-twaqqif u t-tmexxija ta’ erba’ riservi naturali, id-diversi studji dwar l-għasafar u t-tmexxija professjonali tal-Iskema tar- Ringing ta’ BirdLife Malta. Bis-saħħa tal-għarfien xjentifiku sod u l-istrateġija proattiva li bihom iffaċċjat l-isfidi tul dawn is-snin, BirdLife Malta llum mhux biss hija magħrufa fost il-pubbliku imma hija wkoll organizzazzjoni mill-aktar kredibbli u influwenti li ħalliet impatt pożittiv fuq l-għasafar, il-ħabitati tagħhom u l-benesseri ta’ pajjiżna.

Matul din is-sena BirdLife Malta mhux biss se tkun qed tiċċelebra l-passat imma se tiċċelebra wkoll – flimkien mal-pubbliku – is-sbuħija tan-natura u l-għasafar. Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ isegwi lil BirdLife Malta fuq il-midja soċjali jew jingħaqad bħala membru biex jipparteċipa fid-diversi attivitajiet li beħsiebna norganizzaw tul din is-sena.

Il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima stqarr: “L-aktar aspett importanti fiċ-ċelebrazzjoni ta’ anniversarju huwa wkoll li nevalwaw kemm għadna rilevanti fiż-żminijiet tal-lum u għall-futur. In-natura, il-bijodiversità, u d-dinja kollha kemm hi qed jiffaċċjaw sfidi kbar kaġun tal-attività tal-bniedem u d-deċiżjonijiet li jieħu, jew inkella n-nuqqas tagħhom. In-natura jeħtieġ li tiġi mħarsa aktar minn qatt qabel. Mil-lat lokali, il-kaċċa illegali, l-insib u t-telfien tal-impronta nautrali tal-Gżejjer Maltin jibqgħu l-akbar għadu tan-natura waqt li fuq livell globali rridu nagħmlu l-parti tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil- klima, l-iskart tal-plastik u t-tniġġis.

BirdLife Malta twiegħed li se tibqa’ tkun il-vuċi ewlenija tal-ħarsien tan-natura f’Malta u se tibqa’ tirsisti għal bidliet pożittivi fil-mod kif pajjiżna jħares lejn il- bijodiversità”.

BirdLife International din is-sena wkoll qed tiċċelebra l-100 sena mit-twaqqif tagħha!