Lokali

Ikompli jiżdied il-piż tal-għoli tal-ħajja

Iż-żieda fil-prezzijiet jista’ jkun fadlilha x-xhur narawha.

Sostna dan l-ekonomista Lawrence Zammit ma’ Net News wara li l-prezzijiet tal-ikel irreġistraw l-ogħla żieda fl-aħħar 4 snin.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika matul din il-ġimgħa kkonfermaw żieda ta’ aktar minn 5% fi prezzijiet ta’ prodotti tal-merċa – żieda li ċertament tirrifletti r-realtà tal-ħajja li l-poplu qed ikollu jħabbat wiċċu magħha meta joħroġ jixtri.

Lawrence Zammit saħaq li din iż-żieda rajniha fl-2021 u iżda issa bdiet tissaħħaħ għal diversi raġunijiet.

Ċifri mqabbla mas-snin preċedenti juru li din hija l-ogħla żieda f’sena sħiħa sa mill-2017, b’diffikultà inevitabbli għall-bwiet tal-familji li għandhom dħul baxx u għal dawk kollha li ingħataw biss €1.15 f’idejh fil-ġimgħa f’għajnuna mill-Gvern sabiex ikopri għall-għoli tal-ħajja.

Lawrence Zammit saħaq li din iż-żieda kapaċi ddum sakemm nerġgħu niġu għan-normal.

Wara ż-żieda fil-prezz tal-ħobż, fil-bidu tas-sena pajjiżna ra żieda sostanzjali anke fil-prodotti tal-ħalib…għaliex il-Gvern baqa’ ma ta ebda appoġġ lir-raħħala u l-produtturi.

Iżda għal Lawrence Zammit l-inkwiet mhux biss iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel iżda l-konsegwenzi li dan kollu jaf iġib miegħu hekk kif sostna li biex wiehed jikkumbatti r-rata tal-inflazzjoni jiżdiedu…l-interessi.

Fl-istess waqt, il-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jistenna għajnuna u pjan konkret minn naħa tal-Gvern tal-Labour sabiex jiġu stabilizzati dawn il-prezzijiet.