Ekonomija Lokali

Il-Bank Ċentrali jikkonferma ż-żieda fl-inflazzjoni u l-isplużjoni fil-prezzijiet

L-aġġornament ekomoniku ta’ Jannar maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, ikkonferma kif fl-aħħar xhur rajna żidiet kontinwi fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti. Dan kollu għen sabiex tiżdied ir-rata annwali tal-inflazzjoni.

Filfatt, ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’Diċembru li għadda telgħet għal 2.59% minn 2.4% fix-xahar ta’ Novembru, filwaqt li f’Ottubru r-rata annwali ġenerali tal-inflazzjoni kienet 1.4%. Dawn iż-żidied huma ogħla mil-linji gwida stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew. Dan filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 2.4% minn 2.3% rreġistrata xahar qabel.

Kien konfermat ukoll kif f’Diċembru r-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqset xi ftit mil-livelli għoljin riċenti.

L-Aġġornament Ekonomiku juri li skont stħarriġ maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja fl-ekonomija, juri li f’Diċembru s-sentiment batta meta mqabbel max-xahar ta’ Novembru, u jinsab ukoll taħt il-medja storika. Meta mqabbla ma’ Novembru, il-fiduċja naqset fis-setturi kollha barra fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

L-aġġornament ekonomiku ta’ Jannar juri wkoll li fix-xahar ta’ Novembru, il-produzzjoni industrijali naqset fuq bażi annwali għar-raba’ xahar konsekuttiv, filwaqt li r-rata tal-qgħad baqgħet l-istess fil-livell ta’ 3.5% meta mqabbla ma’ Ottubru, iżda baqgħet taħt il-livell irreġistrat qabel il-pandemija.

Intant f’Diċembru, kemm l-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali u kif ukoll l-għadd ta’ konvenji żdiedu b’rata qawwija fuq bażi annwali. Dawn kienu wkoll ogħla mill-ammonti ta’ Diċembru 2019.