L-Abbozz ta’ Liġi li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista, u li se jkun diskuss fil-Parlament il-Ħamis, hu wieħed bla preċedent għax jindirizza l-isfidi li pajjiżna għandu fil-governanza.
Hekk spjega l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, f’kumment lil NET News, l-għada li l-Parlament għadda mill-Ewwel Qari dan l-Abbozz imressaq mill-Partit Nazzjonalista, li jiġbor fih 11-il Abbozz ta’ Liġi li joħorġu mir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Hu spjega li dan l-Abbozz tressaq għax pajjiżna għandu bżonn il-governanza tajba, li jista’ joffriha biss il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
Robert Cutajar kompla li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jifhem li dak li m’għamilx hu, qed jagħmlu l-Partit Nazzjonalista għax hu partit responsabbli u li jrid il-ġid veru lill-pajjiż.
Dan l-Abbozz ta’ Liġi se jkun diskuss il-Ħamis li ġej, meta l-Partit Nazzjonalista jmissu jorganizza l-aġenda tas-seduta. Matulha, u dwaru mistennija jitkellmu diversi Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Hu spjega li, peress li l-Abbozz kien imressaq mill-Partit Nazzjonalista, id-dibattitu jinfetaħ u jingħalaq minn Deputati tal-istess Partit.
//= $special ?>