It-Tlieta filgħodu, l-ambjent quddiem il-Junior College fl-Imsida kien ferm differenti mis-soltu fejn wieħed seta’ jinnota nuqqas kbir ta’ studenti li normalment ikunu deħlin għal-lekċers tagħhom.
Dan seħħ minħabba li l-letturi tal-Junior College komplew bl-istrajk li beda t-Tnejn, minħabba li l-Gvern qed jibqa’ jinjora t-talba tagħhom biex jikkonkludu n-negozjati biex jidħol fis-seħħ ftehim ġdid – ftehim kollettiv li skada f’Diċembru ta’ 3 snin ilu.
It-Tnejn, waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-MUT saħqet li l-awtoritajiet qed iġibu skuża bl-instabbiltà fil-Ministeru tal-Edukazzjoni wara t-tibdil ta’ erba’ Ministri, biex jevitaw li ssir xi forma ta’ ftehim.
Minn naħa tagħha, fi stqarrija, l-Universita’ ta’ Malta saħqet li filwaqt li hi tibqa’ impenjata li tilħaq ftehim li jkun ta’ benefiċċju għall-membri tagħha fil-Junior College, hija tenniet l-obbligu tagħha li tipprovdi pakkett komprensiv attraenti li jkun ġust u trasparenti u li jirrispetta r-responsabbiltajiet tagħha bħala istituzzjoni ffinanzjata pubblikament.
//= $special ?>