Internazzjonali

Ir-Russja: Navalny iddikjarat ‘terrorista’ dwar il-kritika għal Putin

Alexei Navalny, kritiku ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin u l-Kremlin, spiċċa fuq lista uffiċjali ta’ ‘terroristi u estremisti’, flimkien ma’ xi alleati li jopponu għat-Tmexxija f’Moska.

Id-dikjarazzjoni hi l-aħħar f’sensiela ta’ miżuri min-naħa tal-awtoritajiet Russi li jridu jeliminaw kull ħjiel ta’ oppożizzjoni għal Putin. Dan ukoll meta l-Gvern Russu qed ikompli bl-attakki fuq is-soċjetà ċivili tar-Russja.

L-ismijiet ta’ Navalny ( li qed jinżamm il-ħabs fir-Russja) u ta’ ħames assoċjati tiegħu — Lyubov Sobol, Vyacheslav Gimadi, Georgy Alburov, Lilia Chanysheva u Ruslan Shaveddinov — dehru fir-reġistru  ta’  Rosfinmonitoring; biex b’hekk huma spiċċaw fuq l-istess lista ta’ gruppi estremisti tal-lemin u organizzazzjonijiet terroristiċi barranin bħall-ISIS u t-Taliban.

Intant il-Gvern ta’ Moska qed ikompli bl-offensiva fuq in-network politiku ta’ Navalny li hu ddikjarat bħala entità illegali fir-Russja.