Internazzjonali

Italja: Tieni jum tal-votazzjoni għall-President

Id-deputati taż-żewġt ikmamar tal-Parlament u r-rappreżentanti tar-reġjuni fl-Italja qed jieħdu sehem fit-tieni fażi tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż —  u wara li l-ewwel rawnd tal-votazzjoni rriżulta bħala inkonklussiv. Dan meta l-partiti politiċi ewlenin, għalissa, qed jidhru ‘il bogħod minn ftehim dwar is-suċċessur għall-President Taljan, Sergio Mattarella, li l-mandat tiegħu wasal biex jispiċċa wara seba’ snin.

Tinħtieġ maġġoranza ta’ żewġ-terzi fost l-1,009 eletturi għall-għażla tal-President ġdid wara tliet votazzjonijiet. Intant, mill-Ħamis, maġġoranza sempliċi ta’ 505 kapaċi tkun biżżejjed għall-konferma tal-President.

It-taħditiet bejn il-mexxejja politiċi Taljani ntensifikaw wara li l-Prim Ministru Taljan, Mario Draghi, kellu laqgħat separati mal-Kap tal-Lega Matteo Salvini; il-Kap tal-Partit Demokratiku, Enrico Letta u l-Kap tal-Moviment Cinque Stelle u eks Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte.

Draghi hu favorit li jsir il-President ġdid tal-Italja, għalkemm l-Italja jista’ ikollha tħejji għall-elezzjonijiet nazzjonali bikrija f’każ li l-eks kap tal-Bank Ċentrali Ewropew jingħata l-Presidenza. Dan għaliex diffiċli biex l-ispektrum wiesgħa tal-partiti Taljani jingħaqdu wara l-għażla ta’ Prim Ministru ġdid mill-eżekuttiv għall-għaqda nazzjonali ta’ Draghi.

Fil-fatt, Matteo Salvini diġà qal li f’każ li Mario Draghi iwarrab ‘issa’ mir-rwol ta’ Prim Ministru tinqala’ sitwazzjoni ‘perikoluża’ għat-tmexxija tal-pajjiż.

   Il-Kostituzzjoni tal-Italja tirrikjedi biex il-Kap tal-Istat jaġixxi bħala regolatur tal-politika Taljana. Dan meta l-President Taljan jassumi rwol partikularment sinifikanti u importanti fi żmenijiet ta’ kriżi politika fuq livell nazzjonali.