Futbol Sport

Juventus mistennija jħabbru l-akkwist ta’ Dušan Vlahović fil-ħin li ġej

Ritratt (EPA)

Rapporti konsistenti mill-Italja qed jgħidu li Juventus u Fiorentina laħqu ftehim biex l-attakkant Serb ta’ 21 sena Dušan Vlahović jingħaqad mal-Bianconeri immedjatament f’dan is-suq ta’ trasferimenti. Hu mifhum li b’kollox Juventus se jħallsu s-somma ta’ €75 miljun għal Vlahović, li flimkien ma’ Immobile ta’ Lazio jinsab fl-ewwel post tal-aqwa skorers tas-Serie A bi 17-il gowl.

L-eks attakkant ta’ FK Partizan mistenni jiffirma kuntratt ta’ erba’ snin u nofs ma’ Juventus u se jkun qed jieħu mas €7 miljun fis-sena. Fost it-timijiet interessati fi Vlahović kien hemm Arsenal u Atletico Madrid, iżda jidher li x-xewqa tal-plejer kienet li jibqa fl-Italja. Sadanittant l-aġenti tal-attakkant ta’ Juventus Alvaro Morata mistennija jaslu Turin fil-ħin li ġej sabiex jiddiskutu l-futur tiegħu, futur li jidher li se jkun lil hinn minn Turin b’rapporti jindikaw li l-kowċ ta’ Barcelona Xavi qed jaħdem biex jakkwista lil attakkant li huwa propjetà ta’ Atletico Madrid.