Il-UPE ressqet tilwima industrijali minħabba l-prattiki abbużivi li qed isiru bħalissa mid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi Emile Vassallo. Dan wara ultimatum mogħti mill-UPE biex twaqqaf dawn l-abbużi.
Fi stqarrija, il-UPE saħqet li d-DĠ għażel li jinjora s-sejħa tagħhom għal governanza tajba – trattament ġust u mhux diskriminatorju tal-edukaturi KOLLHA.
Il-UPE tieħu l-forom kollha ta’ intimidazzjoni tal-membri tagħha bis-serjetà u hija determinata li tneħħi dawn l-abbużi tal-mistħija fis-settur tal-edukazzjoni tal-istat darba għal dejjem.
Għal din ir-raġuni, id-direttivi li ġejjin se jidħlu fis-seħħ mis-26 ta’ Jannar 2022 –
- Għalliema li huma membri tal-UPE m’għandhom idaħħlu l-ebda marka ta’ assessments
- Għalliema li huma membri tal-UPE għandhom jieqfu jwettqu attivitajiet barra mill-bini tal-iskola.
- Il-Membri kollha tal-UPE m’għandhomx jirrispondu messaġġi mibgħuta mill-ġenituri fuq Microsoft Teams.
- Il-Membri kollha tal-UPE m’għandhomx jagħmlu komunikazzjoni mal-maniġment tal-iskejjel la permezz ta’ E-mails, la messaġġi u lanqas permezz ta’ Microsoft Teams.
- LSEs li huma membri tal-UPE m’għandhomx jagħtu l-ebda dokumentazzjoni uffiċjali lill-SMT.
- Il-membri kollha tal-UPE, supply teachers u NQT għandhom jieqfu jaċċettaw żjarat fil-klassi mill-SMT
- Il-membri kollha tal-UPE li għandhom laqgħat COPE jew SDP għandhom jilloggjaw online u jitfu l-mikrofonu u l-kamera matul dawn is-sessjonijiet.