Lokali

Miriam Dalli tikkonferma li Muscat m’għamel xejn biex jissolvew l-anomaliji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Qed ikompli joħroġ dejjem aktar evidenti li, fi kważi seba’ snin taħt Joseph Muscat, il-Gvern Laburista ma għamel xejn biex jindirizza s-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Anomaliji li s’issa sarrfu f’aktar minn €50 miljun f’serq minn bwiet il-poplu Malti u Għawdxi.

Mistoqsija minn NET News, il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli qalet li mn’Alla kienu Robert Abela u hi biex is-sitwazzjoni bdiet tiġi indirizzata. Għalkemm fil-verita, sal-lum, in-nies għadhom qed jinsterqu mill-kontijiet tad-dawl.

Miriam Dalli hi meqjusa bħala parti mill-klikka tal-Prim Ministru Robert Abela tant li kien hu nnifsu li għażilha biex titlaq minn Brussell ħalli tkun parti mill-Grupp Parlamentari tiegħu u eventwalment Ministru ta’ settur importanti bħall-Enerġija.

Min-naħa l-oħra, meta Muscat spiċċa minn Mexxej Laburista – fl-aħħar attività politika tiegħu – hi ftit li xejn ħassitha komda ssellimlu għax dejjem assoċjat ruħha kontra l-klikka ta’ Muscat.

Sadanittant, fil-Budget moqri f’Ottubru li għadda, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern se jkun qed jindirizza l-anomalija tal-kontijiet. Iżda tliet xhur wara, il-Gvern għadu ma għamel xejn, bħalma baqa’ ma għamel xejn tliet snin wara li anke Muscat kien għamel l-istess wegħda.

Il-Ministru Miriam Dalli bħal donnha nesiet li l-Labour ilu disa’ snin fil-Gvern u għadu m’għamel xejn biex iwaqqaf is-serq minn bwiet il-poplu, tant li ppreferiet tattakka lill-Gvern Nazzjonalista.

Filwaqt li tliet xhur wara l-qari tal-Budget, il-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma għamel xejn biex jindirizza dan is-serq fil-kontijiet tad-dawl, il-Partit Nazzjonalista diġà kkommetta ruħu li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jagħti lura l-flus kollha li nsterqu mill-Gvern tal-Labour f’dawn is-snin kollha.