Lokali

Rapporti jindikaw li l-Papa aktarx se jżur Malta f’April

Rapporti qed jgħidu li l-Papa Franġisku aktarx se jżur pajjiżna bejn it-2 u t-3 ta’ April li ġej wara li s-Santa Sede pproponiet dawn id-dati lill-awtoritajiet Maltin.

Jidher li din iż-żjara se tkun waħda Statali u għalhekk, is-Santa Sede tikkomunika mal-Istat, li min-naħa tiegħu jħejji l-organizzazzjoni f’pajjiżna.

Madankollu, s’issa la l-Uffiċċju tal-President u lanqas l-Gvern ma għadu ħareġ l-ebda konferma ta’ din l-aħbar, għalkemm ir-rapporti qed jgħidu li kemm il-President kif ukoll il-Prim Ministru kienu nfurmati bil-proposta tad-dati mis-Santa Sede.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika kellu jiġi s-sena li għaddiet, iżda ż-żjara kellha titħassar minħabba ż-żieda allarmanti ta’ każi ta’ Covid-19 madwar id-dinja. F’Ottubru li għadda, il-President ta’ Malta kien qal li din iż-żjara kienet ippjanata għar-Rebbiegħa li ġejja. Madankollu, meta mistoqsi minn NET News, hu kien qal li ma kellux aktar informazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li l-Papa kellu jżur pajjiżna fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. Madankollu, dan issa ma jidhirx li se jkun il-każ.

B’din iż-żjara, Franġisku se jkun it-tielet Papa li jżur pajjiżna wara Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI.