Internazzjonali

Renju Unit: Il-Pulizija Metropolitana tinvestiga l-festini li saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru waqt il-lockdown

Ma naqsux il-problemi għall-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson dwar il-mod kif hu aġixxa waqt l-eqqel tal-pandemija u fost allegazzjonijiet li hu sfida r-regoli għal waqt il-lockdown fi żmien meta l-poplu Britanniku kien kostrett li josserva l-liġijiet tas-sigurtà stretti waqt l-agħar tal-Covid-19.

Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija Metropolitana bdiet tinvestiga numru ta’  parties li kienu saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street ( Londra) waqt il-pandemija. Dan meta l-investigazzjoni qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta oħra għal Johnson (ritratt) li għadu jiffaċċja s-sejħiet biex jirriżenja minn Prim Ministru.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Metrolpolitana Cressida Dick qalet li l-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq il-possibbiltà li  r-regoli għall-Covid-19 ilhom jinkisru f’10 Downing Street u f’Whitehall mill- 2020.

Cressida Dick spjegat li l-investigazzjoni qed issir b’riżultat tal-informazzjoni provduta minn grupp ta’ nies mal-Uffiċċju tal-Kabinett u li huma mmexxija minn uffiċjal ewlieni maċ-ċivil bl-isem ta’ Sue Gray.

L-Uffiċċju tal-Kabinett qal, intant, li Sue Gray qed tkompli tmexxi l-investigazzjoni tagħha dwar il-każ u li bdiet ftit tal-jiem ilu.

Jidher, madankollu, li r-rapport dwar ‘l-aġir ta’ Johnson’ waqt il-pandemija mhux se jkun ippubblikat waqt li l-pulizija Britannika tkun għaddejja bl-investigazzjoni tagħha. Lanqas mhu ċar kemm għandha ddum l-investigazzjoni tal-Pulizija Metropolitana, fost il-jiem ta’ inċertezza għall-Gvern Britanniku.

L-aħħar żviluppi seħħew wara allegazzjonijiet ġodda li f’Ġunju tal-2020 sar festin għal għeluq snin Boris Johnson fi żmien meta kienu effettivi l-limitazzjonijiet kbar għall-movimenti u l-laqgħat tan-nies fl-Ingilterra.

Kelliema għal Downing Street ammettew li l-istaff kienu ċelebraw l-okkażjoni flimkien f’10 Downing Street u meta kien għadu effettiv l-ewwel proċess tal-lockdown Mill-banda l-oħra, numru ta’ Ministri Britanniċi qed jikkuntestaw in-numru tan-nies li attendew għall-festin waqt li qed iħeġġu ‘biex id-deputati u n-nies jieħdu paċenzja sakemm ikunu magħrufa l-fatti kollha’ u waqt li Sue Gray qed tkompli bl-investigazzjoni.

Fi żviluppi oħra relatati mal-Covid sar magħruf li r-restrizzjonijiet għall-Covid mhumiex se jiżdiedu fil-Ġermanja iżda lanqas mhuma se jonqsu fuq livell nazzjonali. Dan meta jridu jsiru wkoll il-bidiliet fil-politika għall-proċessi tat-testijiet fuq bażi ta’ PCR.

Il-varjant Omicron qed ikompli jinfirex b’rata mgħaġġla fil-Ġermanja iżda s-sitwazzjoni fl-isptarijiet tal-pajjiż hi ‘il bogħod minn waħda drammatika u qed tkun imfissra bħala stabbli. Madankollu, ir-restrizzjonijiet effettivi fil-pajjiż se jibqgħu f’posthom sakemm isir is-summit federali li jmiss – bil-poplu qed jistenna biex, ‘il quddiem, jara xi bidliet fil-miżuri għal waqt il-pandemija, b’mod partikulari fl-implimentazzjoni tat-testijiet tal-PCR fil-pajjiż.

Peress li l-infezzjonijiet bil-Covid komplew jikbru fil-Ġermanja, il-laboratorji li jipproċessaw it-testijiet tal-PCR bilkemm jistgħu jlaħħqu mal-piż tal-każi. Għaldaqstant, il-Gvern Ġermaniż iddeċieda li jnaqqas il-pressjoni fuq iċ-ċentri għat-testijiet b’li jikkonferma priorità għall-persuni li jaqgħu fil-kategoriji ta’ nies vulnerabbli flimkien mal-persuni li jridu jaħdmu magħhom.