Futbol Sport

Roy Hodgson jinħatar kowċ ġdid ta’ Watford

Ritratt (EPA)

Wara li t-Tlieta filgħaxija ħarġet l-aħbar li Claudio Ranieri m’għadux fit-tmexxija ta’ Watford, il-klabb li jinsab fiż-żona tar-relegazzjoni fil-Kampjonat Ingliż ħabbar li ħatar lill-eks kowċ tat-tim Nazzjonali Ingliż Roy Hodgson biex imexxi t-tim sa tmiem dan l-istaġun. Minbarra t-tim Nazzjonali Ingliż, li mexxa għal erba’ snin bejn l-2012 u l-2016, Hodgson mexxa bosta timijiet fl-Ingilterra u madwar l-Ewropa fosthom Inter, Liverpool, Fulham u l-aktar avventura riċenti ma’ Crystal Palace l-istaġun li għadda fejn spiċċaw fl-14-il post.

Timijiet Nazzjonali oħra li mexxa Hodgson huma l-Finlandja, l-Arab Emirati Magħquda u l-Iżvizzera li ma’ dawn tal-aħħar kiseb kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-1994 li saret fl-Istati Uniti wara nuqqas ta’ 28 sena. L-Iżvizzera f’dik l-edizzjoni spiċċaw it-tieni fi Grupp A iżda ġew eliminati mal-aħħar 16 wara telfa ta’ 3-0 kontra Spanja.

Hodgson se jkun assistit minn Ray Lewington li mexxa lill-istess Watford bejn l-2002 u l-2005.