Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li fera gravi xufier b’lembuba waqt ‘road rage’

Żagħżugħ ta’ 21 sena ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erbgħa snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Nadine Sant li tliet xhur ilu ta daqqa ta’ lembuba lil sewwieq u kkaġunalu ġrieħi gravi f’rasu. Il-każ seħħ meta  Dillon Portelli residenti Ħaż-Żabbar kien qed isuq fil-Mellieħa u kellu argument ma’ sewwieq ieħor meta wieħed akkuża lil ieħor li kien intefa’ xi ilma lejn il-karozza li kienu qegħdin isuqu.

L-argument seħħ waqt road range biż-żagħżugħ jaħbat għax-xufier u jaħrab minn fuq il-post. Huwa inqabad ftit wara mill-Pulizija. L-argument skala u Portelli niżel mill-karozza u xejjer daqqa ta’ lembuba tal-ħadid fid-direzzjoni tas-sewwieq l-ieħor. Potelli ammetta li wettaq dan ir-reat fit-28 ta’ Ottubru li għadda fi Triq il-Marfa, l-Mellieħa.

Il-Qorti kienet mitluba sabiex tipprovdi ghas-sigurta’ tal-vittma billi tinħareġ ordni ta’ protezzjoni, liema talba kienet milqugħa. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset il-fatt li Portelli qatt ma kien kiser dufrejh mal-ġustizzja u li ammetta fi stadu bikri tal-proċeduri.

Il-Qorti minbarra s-sentenza sospiża ordnat il-konfiska tal-lembuba, u ħarġet ordni ta’ trattament u garanzija ta’ erba’ snin sabiex il-ħati bl-ebda mod ma jersaq lejn il-vittma. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri filwaqt li għal Portelli deher l-Avukat Alfred Abela.