Lokali Qorti

Tmien snin ħabs għal tliet bouncers wara li attakkaw Afrikan li qala’ daqqa ta’ sikkina

Tliet bouncers li kienu jaħdmu f’ħanut f’San Pawl il-Baħar ġew ikkundannati tmien snin ħabs bejniethom, wara li nstabu ħatja li fi Frar ta’ sentejn ilu attakkaw bla ħniena raġel Afrikan, b’wieħed minnhom jagħtih daqqa ta’ sikkina f’wiċċu Stepan Stankov, Bulgaru ta’ 33 sena kien ikkundannat ħames snin u erba’ xhur ħabs wara li nstab ħati li weġġa’ gravi lil Temitope Akinribomu Olankunie billi tah daqqa ta’ sikkina f’wiċċu.

L-Ukren, Yermakov Mykhailo ta’ 31 sena, kien ikkundannat sena ħabs wara li nstab ħati ta’ ġrieħi ħfief filwaqt li Dorde Dudic ta’ 26 sena mis-Serbja, instab ħati wkoll tal-istess akkuża u kkundannat 18-il xahar ħabs. Mykhailo u Stankov instabu ħatja wkoll li ħadmu bħala uffiċjali tas-sigurtà mingħajr liċenzja tal-pulizija

Il-każ seħħ fil-Babylon Club fis-16 ta’ Frar tal- 2020 fil-5.00 am. li jinsab fi Triq il-Kavetta San Pawl il-Baħar, meta Dudic, wieħed mill-akkużati, deher qed jittanta u jaqbad mat-tfajla tal-vittma. Temitope xehed li safa vittma ta’ dan l-aggressjoni mhux minħabba raġunijiet razzjali, iżda għax it-tliet akkużati, flimkien ma’ ieħor li ħarab minn fuq il-post, rawh bħala persuna vulnerabbli..

L-aggressjoni nqabdet fuq filmati tas-CCTV li ppreżentaw opportunità tad-deheb għall-Maġistrat Donatella Frendo Dimech biex tasal għall-konklużjonijiet tagħha. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet qabdet lit-tliet akkużati jigdbu sfaċċatament. Hija kkonkludiet li kuntrarjament għax-xhieda tal-vittma, li kienet ġenwina u onesta, il-filmati jikkontradixxu l-verżjonijiet tal-akkużat li pprovaw  jitfgħu kollox fuq ir-raba’ persuna li ħarbet minn fuq il-post.

Il-vittma xehed li dakinhar kien mar il-każin ma’ sħabu u l-ħabiba tiegħu. F’ħin minnhom ma rax it-tfajla tiegħu ħdejh u mar ifittixha. Qal li sabha barra l-każin ma’ Dudic, li kien qed iżommha idejha. Xehed li staqsieh għaliex kien qed jagħmel dan. Ir-reazzjoni tal-imputat kienet li ħabbtu mal-ħajt.

Temitope xehed li rritorna l-bar u lmenta dwar il-mod kif ġie trattat minn Dudic, li bħal Stankov, rrefera bħala uffiċjal tas-sigurtà. Hu kien segwit minn impjegat ieħor biex jara x’ġara. F’dak il-mument ingħaqdu miegħu l-ħbieb tal-vittma u kien hawn li Stepan ħareġ sikkina u attakkah biha u laqtu f’wiċċu.

Il-vittma qal li t-tliet akkużati tefgħuh barra u li Stankov tah daqqa ta’ sikkina fuq it-taraġ. Huwa identifika lil Yermakov bħala l-persuna li qabditlu minn għonqu filwaqt li Stepan beda jagħtih bis-sieq fl-istonku. Żied jgħid li waqa’ mal-art wara li ġie attakkat minn Dudic barra l-istabbiliment.

Fis-sentenza tagħha, il-qorti kkonkludiet li l-ġrieħi tal-vittma kienu riżultat ta’ attakk vili mill-akkużat. Qalet li l-filmati pprovdew evidenza grafika tal-attakk. Id-dikjarazzjonijiet tal-konvenuti li aġixxew bħala awto-difiża jew għax ġew ipprovokati mill-vittma ġew kontradetti. .

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li t-tliet akkużati ma kellhom l-ebda raġuni biex jattakkaw lill-akkużat għax rawh dgħajjef. Dwar Dudic, li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà ma’ kumpanija privata, il-Qorti qalet li kien ħa l-opportunità biex jattakka persuna li ma setgħetx tiddefendi ruħha.

Il-Qorti qalet li l-akkużati ma kinux jafu jikkontrollaw lilhom infushom, m’għandhom l-ebda rispett lejn in-nies, b’mod partikolari lejn dawk fraġli u dgħajfa u għalhekk ma kellhomx post fis-soċjetà. Il-Qorti qalet li bl-azzjonijiet tagħhom l-akkużati kienu ta’ theddida għas-soċjetà.

Il-Qorti qalet li kienet konxja li l-azzjonijiet tal-akkużati ħallew ferita permanenti fuq wiċċ il-vittma, li qatt ma kien se jinsa għall-kumplament ta’ ħajtu. Hija sostniet li kien vittma innoċenti ta’ nies li ħassew li jistgħu jattakkaw għax kienu jafu li ma kienx taqbila fiżika magħhom. Żiedet tgħid li ma setgħetx tinjora l-fatt li minkejja l-azzjonijiet tal-akkużati, qatt ma wrew ħniena jew kompassjoni lejn il-vittma.

Il-Qorti qalet li kellha dmir li tkun vuċi għas-soċjetà permezz tas-sentenzi tagħha u għalhekk saħqet li posthom ma kienx fis-soċjetà qabel ma ġew riabilitati. Minbarra s-sentenza ta’ ħames snin u erba’ xhur ħabs, Stepan Stankov ġie ordnat ukoll iħallas €5,000 lill-vittma bħala kumpens għall-ġrieħi tiegħu.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-pulizija biex ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom biex jidentifikaw ir-raba’ raġel involut fl-aggressjoni. Bagħtet ukoll kopja tas-sentenza lil Jobsplus biex tinvestiga terzi persuni li jistgħu jiġu mħarrka talli kisru l-liġi tal-impjiegi u t-taħriġ.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-akkużati jiġu deportati lura lejn pajjiżhom wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom tal-qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri.