Futbol Sport

Dro ta’ mingħajr gowls f’logħba bbilanċjata

Ritratt (Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S……….0

BIRKIRKARA…..0

Ħamrun S:.  H. Bonello, D. Gojkovic, M. Guillaumier, J. Mbong, A. Oyama, F. Sasere, L. Gambin (J. Soares 68’), J. Corbalan (K. Micallef 57’), C. Dielna, E. Marcelina (P. Djordevic 56’), F. El Bakhtaoui

Birkirkara: A. Sylla, E. Pepe, Y. Yankam, L. Montebello, C. Bonani, J. Nsumoh (F. Falcone 70’), C. Attard (R. Scicluna 46’), B. Ngissah (P. Mbong 70’), O. Carniello, L. Aguirre, D. Venancio

Imwissija: M. Guillaumier 42’ P. Dordevic 79’ A. Oyama 86’ (Ħ),

C. Bonanni 64’, O. Carniello 88’(B)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Luke Portelli u James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Franklin Sasere (Ħamrun Spartans)

BOV Plejer tal-logħba: Franklin Sasere (Ħamrun Spartans)

F’logħba bbilanċjata, bil-logħob ikun maqsum miż-żewġ timijiet, Ħamrun Spartans u Birkirkara spiċċaw fi dro ta’ 0-0, dro li ma’ jissodisfa lil ħadd ħlief lill-ewwel żewġ timijiet tal-klassifika, Hibernians u Floriana rispettivament.

L-ewwel xutt lejn il-lasti wasal minn Birkirkara wara ħames minuti meta Diego Venancio inkariga ruħu minn free-kick dirett mix-xellug iżda x-xutt tiegħu għadda barra. Erba’ minuti wara din id-darba free-kick għal Ħamrun, b’Oyama jitfa’ kross fil-kaxxa li sab lil Dielna iżda d-daqqa ta’ ras tal-Franċiż spiċċat faċilment f’idejn Sylla. Fit-12-il minuta kien Aguirre għall-Istripes li prova minn barra iżda tefa’ għoli. Mal-kwarta logħob, korner insidjuż ta’ Oyama li ġie fuq ras Marcelina iżda sab lil Sylla attent li laqa’ b’diffikultà. Fil-31 minuta Guillaumier u El Bakhtaoui bidlu l-ballun tajjeb, bil-Marokkin jipprova xutt b’saħħtu li għadda ftit għoli.

Fit-tieni taqsima Ħamrun ħarġu aħjar mill-avversarji u fit-52 minuta minn kross ta’ Luke Gambin kien Franklin Sasere li prova bir-ras bil-ballun jgħaddi ftit barra. Fis-66 minuta is-sostitut Ryan Scicluna ħarab mal-linja u qassam fil-baxx lejn Luke Montebello li ra x-xutt tiegħu jgħaddi barra. Fil-71 minuta ċans tajjeb għal Ħamrun. Kienet ġirja tajba ta’ Sasere fuq il-lemin li tefa’ kross lejn is-sostitut Soares, bin-numru għaxra ta’ Ħamrun ikompli bir-ras lejn Mbong li ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Sylla, bil-goalkeeper żgħażugħ iwettaq save kruċjali biex żamm l-iskor indaqs. Fit-80 minuta Aguirre prova free-kick dirett minn qagħda perikoluża iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet barra.