Lokali Qorti

Il-Communications Coordinator taħt il-Presidenza ta’ George Abela tirbaħ kawża kontra Joseph Muscat u Mario Cutajar

Il-Qorti tal-Appell tordna li Marica Cassar tingħata €14,000 bħala benefiċċju ta’ tmiem l-impjieg tagħha

Il-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba ta’ Marica Cassar (Eks Mizzi), li okkupat il-kariga ta’ communications coordinator tal-President Emeritus George Abela, u qalet li hi għandha d-dritt tingħata s-somma dovuta lilha ta’ €14,398.20 bħala benefiċċju għat-tmiem tal-ħatra tagħha.

Il-Qorti, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph R. Micallef u Tonio Mallia, bidlet sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’kawża li Marica Cassar kienet għamlet kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u Mario Cutajar, Segretarju Permanenti Prinċipali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Id-deċiżjoni kienet marbuta mal-klawsola 4.5 tal-kuntratt tal-ingaġġ, bil-Qorti ssib li t-tifsira xierqa li kellha tingħata lil dik il-klawsola twassal biex il-pretensjoni ta’ Cassar kienet waħda korretta, u li hi kellha jedd titħallas il-benefiċċju ta’ tmiem il-ħatra għax dan kien mistħoqq u dovut lilha. Għalhekk, l-appell tagħha kien milqugħ.

Cassar kienet ingaġġata bħala Communications Coordinator fis-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta f’April 2009. Fl-istess xahar ta’ ħames snin wara kienet ġiet avżata li l-kuntratt tagħha kien se jintemm minħabba l-bidla fil-Presidenza.

Hi kienet tenniet li kien hemm ftehim, bħalma kellhom impjegati oħrajn fl-istess grad, li kienet se titħallas somma dovuta lilha, iżda wara ġiet mgħarrfa li dan il-ħlas ma kienx se jsir.

Marica Cassar dejjem qalet li diversi persuni li kienu f’pożizzjoni simili u b’kuntratt identiku tħallsu, u insistiet li l-Gvern ta’ Malta għandu dejjem jaġixxi b’mod eżemplari u korrett.  Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat u s-Segretarju Permanenti Prinċipali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar dejjem argumentaw li Cassar ma kinetx intitolata għal xi benefiċċju dwar it-terminazzjoni tal-impjieg tagħha.

Il-Qorti tal-Appell qalet li minn qari tax-xhieda, fosthom dik tal-President Emeritu George Abela, toħroġ ċara l-fehma li t-tħaddim xieraq tal-klawsola 4.5 tal-kuntratt tal-ingaġġ ta’ Marica Cassar ma jaqbilx mat-tifsira li kienu qegħdin jagħtuh l-uffiċjali tal-Gvern li huma involuti fil-kawża, u t-tifsira mogħtija mill-ewwel Qorti.

F’dan ir-rigward, il-Qorti qalet li tqis bħala rilevanti għall-aħħar ix-xhieda tal-persuna li magħha Cassar daħlet fir-rabta kuntrattwali, jiġifieri l-President George Abela.

Il-Qorti qalet ukoll li kienu Joseph Muscat u Mario Cutajar biss li, wara li għalaq il-kuntratt, dehrilhom li kellhom jagħtu tifsira differenti ta’ kif u meta titħaddem il-klawsola tal-ingaġġ. Marica Cassar kellha raġun tgħid li kien fil-każ tagħha li l-klawsola 4.5 tal-kuntratt ingħatat tifsira differenti minn dik li ngħatat f’każijiet oħrajn ta’ persuni li tħallsu l-benefiċċju tat-tmiem tal-ħatra minkejja li ma kienx hemm tmiem qabel u waqt il-kuntratt tal-ingaġġ tagħhom.

Quddiem l-ewwel Qorti ngħatat xhieda rilevanti wkoll dwar x’kien il-ħsieb wara t-tfassil tal-klawsola 4.5 tal-kuntratt, l-għan li kienet maħsuba li tilħaq u f’liema ċirkostanzi kienet tgħodd. Fid-dawl ta’ dan kollu, għalhekk, il-Qorti ssib li l-appell ta’ Marica Cassar huwa mistħoqq.

Għal Marica Cassar dehret l-Avukat Christine Calleja.

Stqarrija minn Mario Cutajar

Bla ma wieħed jidħol fil-mertu tal-każ deċiż fil-Qrati, irid jingħad li s-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qatt ma ta x-xhieda tiegħu f’din il-kawża. Iktar minn hekk dal-każ partikolari qatt ma nġieb għall-attenzjoni tiegħu la mill-persuna milquta u lanqas mid-dipartiment konċernat għax l-ipproċessar ta’ kuntratti fuq kollox huwa xogħol li normalment isir mid-dipartimenti partikolari. Is-Sur Cutajar sar jaf bil-każ meta dan spiċċa l-Qorti.