Lokali

Il-futur ta’ Marsaskala hu f’idejn il-Ministru Ian Borg

Il-futur tal-bajja pittoreska ta’ Marsaskala jinsab f’idejn il-Ministru Ian Borg – jew il-bajja tibqa’ aċċessibli għar-residenti biex ikunu jistgħu jgħumu u jistadu, jew inkella jagħtiha lill-ftit biex jagħmel yacht marina.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem, wara laqgħa li saret mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, ntlaħaq qbil li l-yacht marina qatt m’għandha ssir.

Net News tkellem mal-kunsillier ta’ Wied il-Għajn John Baptist Camilleri illi spjegalna kif il-Ministeru ta’ Ian Borg kontinwament injora t-talba tal-Kunsill Lokali għal taħdidiet dwar il-yacht marina… u meta finalment il-Ministru ltaqa’ magħhom, dan qalilhom li għadhom fiċ-ċans qabel jibda l-proċess li jmiss.

Camilleri saħaq kif huma qed jittamaw li l-Gvern jisma’ s-sejħa tar-residenti u jirtira minnufih kull pjan li hemm fis-seħħ dwar il-yacht marina.

Fl-aħħar xhur kien sar stħarriġ minn Valerie Visanich, mid-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta, illi wera kif 93 fil-mija tar-residenti ma jaqblux mal-proġett, f’riflessjoni ċara tat-tħassib tan-nies ta’ Marsaskala ghall-izvilupp tal-marina bil-bajja taghhom.

It-93 fil-mija li qalu li ma jaqblux mal-proġett… qablu wkoll li kwalunkwe żvilupp ta’ Yacht Marina jirrovina Marsaskala. Barra minhekk, dawk li wieġbu nnutaw fost l-oħrajn kif dan il-proġett iħammeġ il-bajja u jeqred l-ambjent naturali, filwaqt li jħassar il-karatteristiċi tal-lokalità.

Il-persuni li wieġbu nnutaw ukoll kif b’Yacht Marina fil-Bajja ta’ Marsaskala jkun mhedded xogħol is-sajjieda li jaqilgħu l-għajxien taghhom minn din iz-zona.