Lokali

Il-kannabis, il-kokaina u l-eroina huma l-iktar drogi komuni f’Malta – rapport

Il-kannabis, il-kokaina u l-eroina – l-aktar sustanzi li jsir abbuż minnhom fil-gżejjer tagħna.

Dan ħareġ minn rapport dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta matul is-sena 2020 fejn fortunatament jidher li l-użu tad-droga naqas meta tikkumpara mal-aħħar snin. Madanakollu, dan jista’ jkun dovut għall-effett tal-pandemija.

Net News tkellem mal-Manager fi ħdan l-Unit Nazzjonali li janalizza l-abbuż tad-Drogi u l-Alkoħol, Manuel Gellel fejn kellimna dwar is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna.

Il-kannabis għadha l-iktar droga użata u maqbuda f’Malta fost il-popolazzjoni adulta ta’ bejn it-18 u l-65 sena, u hi l-unika droga magħrufa li tiġi prodotta fil-pajjiż.

Hu interessanti l-fatt li huma l-irġiel l-iktar li jagħmlu  użu mill-iktar tliet drogi popolari f’pajjiżna… b’86 fil-mija ta’ dawk li jagħmlu użu mill-kannabis huma rġiel. Ir-rapport dwar l-abbuż tad-droga juri li persuni fl-eta’ ta’ bejn it-30 u l-40 sena huma l-iktar li jabbużaw mid-droga.