Lokali

“Il-każini għandhom bżonn serħan il-moħħ” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech iwiegħed li se jkun qed jitfa’ pressjoni fuq il-Gvern biex jibgħat messaġġ ċar dwar l-importanza li l-każini tal-banda jingħataw ir-rikonoxximent meħtieġ.

Kien dan il-messaġġ li ħareġ waqt laqgħa li saret l-Erbgħa waranofsinhar bejn it-tmexxija tal-Għaqda Każini tal-Banda u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fejn tenna li hu jagħraf l-importanza tal-każini tal-baned …u li dawn mhux biss huma istituzzjonijiet kulturali u edukattivi, iżda wkoll huma wkoll mezz kif iktar turisti jiġu lejn pajjiżna.

Bernard Grech qal li jgħaraf kif il-każini joffru element fejn wieħed imiss mal-ġid li jħalli l-volontarjat… iżda sfortunatament l-isfida tal-greylisting tefgħet dawl ikrah fuq Malta, inkluż fuq is-soċjetjiet tal-każini. Hu għalhekk li għaraf il-bżonn ta’ regoli addattati u mhux liġijiet ta’ one-size-fits-all.

Minn naħa l-oħra, il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri ppreżenta dokument ta’ proposti fejn fost l-oħrajn qed jitolbu li:

  1. il-każini tal-baned ikunu rikonoxxuti permezz ta’ qafas legali;
  2. it-tgħalim mużikali li jsir fil-każini jkun ukoll rikonoxxut b’mod formali billi tingħata kwalifika lil istudenti;
  3. u l-każini tal-baned jingħataw fondi f’forma t’għajnuna fid-dawl ta’ sfidi finanzjarji li qed jesperjenzaw.

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern, għal darboħra, qed iħalli lis-settur tal-festi f’inċertezza kbira dwar il-futur tagħhom.

Bernard Grech saħaq li l-qasam kulturali, bħal kull qasam ieħor, hu ta’ importanza kbira għall-Partit Nazzjonalista u hu għalhekk illi hemm bżonn garanzija u serħan il-moħħ biex isiru l-festi fil-gimghat u x-xhur li ġejjin.

Preżenti ghal din il-laqgha kien hemm ukoll id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo u l-kandidati Alex Perici Calascione u Francine Farrugia.