Lokali Saħħa

Il-Ministru Chris Fearne jagħti job lit-tifla taċ-Chief of Staff tiegħu

Ma taqta’ xejn is-saga tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne hekk kif fl-aħħar sigħat is-sit tal-aħbarijiet The Shift News żvela li anke t-tifla taċ-Chief of Staff tiegħu ingħatat impjieg mal-Gvern.

Celine Camilleri Ciantar, li għandha 26 sena, tpoġġiet fuq il-Bord Mediku li jiddeċiedi liema pazjenti jmorru barra l-pajjiż għal xi forma ta’ trattament. It-tifla taċ-Chief of Staff ta’ Fearne gradwat bħala dentist madwar sentejn ilu.

Skont The Shift, il-ħatra tagħha saret mill-Ministru Chris Fearne.

Mhux magħruf eżatt x’esperjenza għandha Camilleri Ciantar fejn jidħol trattament ta’ pazjenti barra l-pajjiż.

Ġimgħatejn ilu l-istess sit żvela li ommha, Carmen Ciantar, qed titħallas €13,000 fix-xahar wara li tpoġġiet tmexxi l-FMS – il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Ciantar hi wkoll iċ-Chief of Staff ta’ Fearne u hija l-persuna li tmexxilu l-kampanja tiegħu.

Caline Camilleri Ciantar – it-tifla taċ-Chief of Staff ta’ Fearne