Coronavirus Lokali Saħħa

Imutu żewġ persuni oħra bil-Covid-19, 314-il każ ġdid

Il-pandemija ħalliet żewġ vittmi oħra, raġel ta’ 86 u l-ieħor ta’ 88 sena. Il-vittmi tal-imxija f’pajjiżna issa telgħu għal 538. Fl-aħħar sigħat instabu 314-il każ ġdid, bl-ammont ta’ persuni li fiequ huwa dak ta’ 490.

Il-każijiet attivi huma 4,309.

Bejn it-Tlieta u l-Erbgħa kien hemm żieda ta’ pazjenti li qed jirċievu l-kura fl-isptar, dan hek kif minn 101 każ ta’ COVID-19 li hemm fl-Isptar Mater Dei bħalissa, sitta minnhom qegħdin fit-taqsima tal-Kura Intensiva.

Intant wara li l-Prim Ministru Robert Abela attakka lill-Partit Nazzjonalista għax tkellem għan-nies li kienu qed iħossuhom ddiskriminati bil-miżuri tal-Covid li ġew introdotti fis-17 ta’ Jannar li għadda, il-Gvern issa ħabbar li se jkun qed jagħmel u-turn dwar il-miżuri, u spiċċa prova jirkeb fuq il-policies imressqa mill-PN.

Wara li ħarġet din l-aħbar li se jinbiddlu r-restrizzjonijiet kienu bosta l-persuni li rrikorew għall-midja soċjali biex jikkritikaw din id-deċizzjoni tal-Prim Ministru, wara li skont uħud il-Gvern spiċċa bħal ħmar iwaħħal f’denbu, uħud saqsew fuq liema “xjenza” qed jimxu l-awtoritajiet u oħrajn qalu li dawk fil-Gvern li ħadu din id-deċizzjoni wara li kien ġie sfurzat il-booster fuq in-nies, huma sempliċiment buffi.

Bil-miżuri l-ġodda, mis-7 ta’ Frar, dawk kollha li ma ħadux il-booster ser ikunu jistgħu jidħlu f’ristorant, każini u snack bars mingħajr ma jkollhom bżonn juru ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Dan filwaqt li ġimgħa wara, mill-14 ta’ Frar, wieħed jista’ wkoll jidħol f’bars, gyms, pixxini, spas, ċinema u teatri mingħajr l-ebda ċertifikat.

Min-naħa l-oħra, avvenimenti sportivi, attivitajiet tal-massa, night clubs u safar ser jibqgħu jirrikjedu ċertifikat tal-vaċċin validu. Dan wassal biex l-appasjonati lokali tal-futbol joħorġu b’saħħa jikkritikaw lill-Gvern għaliex qed jiddiskrimina fil-konfront tagħhom.