Internazzjonali

Iżrael qed jittama fir-rabtiet mal-Arabja Sawdija u l-Indoneżja….iżda għalissa xejn mhu imminenti

L-ogħla diplomatiku ta’ Iżrael qal li pajjiżu qed jittama biex jiżviluppa l-ftehim tal-2020 ( sponsorjati mill-Istati Uniti) ma’ erba’ pajjiżi Musulmani — filwaqt li jistabbilixxi r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Arabja Sawdija u l-Indoneżja.

Madankollu, ftehim fuq dan il-livell iridu ż-żmien u meta għad iridu jingħelbu numru ta’ intoppi.

L-Arabja Sawdija, li għandha tnejn mill-aktar siti ta’ devozzjoni importanti għall-Islamiċi, u l-Indoneżja, fejn tgħix l-akbar popolazzjoni ta’ Musulmani fid-dinja, it-tnejn qed jinsistu dwar xi kundizzjonijiet biex huma jkollhom ir- relazzjonijiet normali mal-Iżraeljani.

Id-domanda prinċipali hi biex Iżrael jindirizza l-impenn tal-Palestinjani għal Stat fit-territorju li l-Iżraeljani kienu ħatfu lill-Għarab waqt il-gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani.

Intant, il-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet barranin, Yair Lapid, ikkonferma li Iżrael qed jaħseb ‘biex jespandi l-ftehim ( magħrufin bħala l-Abraham Accords) għal pajjiżi oħra ‘il hinn mill-Emirati Għarab Magħquda, Bahrain, is-Sudan u l-Marokk. Madankollu, Iżrael qed jindika li l-pajjiżi ‘l-akar importanti’ li jrid ir-relazzjonijiet magħhom huma l-Arabja Sawdija u l-Indoneżja.

Skont Lapid, numru ta’ ‘pajjiżi żgħar’ li baqgħu mhux identifikati kapaċi jinnormalizzaw ir-relazzjonjiiet ma’ Iżrael fi żmien sentejn.

Minkejja n-nuqqas tar-rabtiet uffiċjali , l-Arabja Sawdija, fl-2020, kienet qablet biex l-ajruplani ta’ Iżrael jaqsmu mill-ispazju tal-ajru tagħha lejn l-Emirati Magħquda. Intant, l-ajruplan El Al Israel Airlines tal-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett, ix-xahar li għadda, kien tar mill-ispazju tal-ajru tas-Sawdi qabel iż-żjara ta’ Bennett f’Abu Dhabi.

Kemm Iżrael u l-Arabja Sawdija, sadanittant, għandhom ‘il-kwistjoni tal-Iran’ bħala xi ħaġa komuni u meta t-tnejn huma mħassbin dwar l-Istat fundamentalista Iżlamiku li għalihom jibqa’ ‘għadu sal-mewt’.