Lokali Qorti

Kumpens ta’ €81,000 għall-ħaddiem li tilef subgħajh fuq il-post tax-xogħol

Ħaddiem ta’ 45 sena, li tilef subgħajh f’inċident fuq il-post tax-xogħol ingħata €81,000 f’kumpens wara li l-Imħallef Lawrence Mintoff iddikjara li l-kumpanija li magħha kien  jaħdem kienet 85% responsabbli għall-inċident, li seħħ fis-16 ta’ April 2015.

Lawrence Camilleri, li kien jaħdem bħala ‘machine operator’ kien weġġa’ idu gravament fuq il-post. Huwa  kien impjegat mal-kumpanija Construct Furniture fix-xogħol tal-injam.  Huwa weġġa’ f’idejh il-leminija meta s-swaba’ inqabdulu mill-magna li huwa kien qed jaħdem fuqha.

Camilleri kien spiċċa l-isptar Mater Dei f’żewġ okkażjonijiet fejn sarulu interventi kirurġiċi f’idu l-leminij  fejn għalkemm sar sforz sabiex l-indiċi tal-id il-leminija jkun salvat, dan ġie eventwalment imputat. Barra minn hekk bħala konsegwenza tal-istess inċident fuq il-post tax-xogħol, huwa  sofra wkoll minn telfa ta’ funzjoni u sensazzjoni f’subgħajh tan-nofs tal-istess id.

Il-ħaddiem għalhekk spiċċa jsorfri  minn diżabilità fiżika u mentali permanenti kif ikkonfermat mir-rapport mediku rilaxxjat mill-kirurgu Jason Zammit, u mill-konsulent Anthony Zahra. Waqt il-kawża li saret ukoll minn martu, l-ħaddiem spjega li huwa għamel 16-il sena fl-impjieg mal-kumpanija, u għalkemm kien hemm żmien meta huwa kien telaq mill-impjieg li kellu ma’ din il-kumpannija, sussegwentement kien irritorna lura.

Qal li huwa kellu biss 16-il sena meta beda jaħdem ma’ din il-kumpannija, fejn kien jagħmel diversi tipi ta’ xogħlijiet, fosthom dak ta’ mastrudaxxa u ta’ machine operator, u qal li kemm kien ilu impjegat ma’ din il-kumpannija huwa dejjem kellu ċerta pressjoni rigward il-produzzjoni.

Spjega li bint is-sid tal-kumpannija kull filgħodu kienet tivverifika miegħu jekk kienx se jlaħħaq max-xogħol li kellu, u żied jgħid li fiż-żmien meta huwa weġġa’ kienet qiegħda tiġi eżerċitata fuq l-impjegati pressjoni aktar mis-soltu għaliex kien hemm konsenja ta’ bibien li riedet tintbagħat l-Ingilterra, u għalhekk riedet titlesta.

Qal li xogħlu kien li jaħdem fuq tliet magni, kollha jqattgħu l-injam, u l-magna li kien weġġa’ fuqha kienet tintuża għall-produzzjoni tax-xambrelli tal-bibien. Qal ukoll li fil-parti tal-fabbrika fejn kien jaħdem hu, dakinhar tal-inċident kien hemm seba’ magni

Il-vittma qal li huwa qatt ma ngħata taħriġ dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol  u żied jgħid li l-uniku tagħmir tas-sigurtà li kien jintuża mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol kien is-safety shoes. Qal li huwa kien ilu jaħdem fuq il-magna li weġġa’ fuqha, u spjega li din tħaddem xafra li dejjem tibda ddur mix-xellug.

Qal ukoll li dakinhar, hekk kif inxtegħlet il-magna, sabiex huwa jibda jagħmel l-istess xogħol li kien ilu imdorri jagħmel, ix-xafra tal-magna bdiet iddur min-naħa tal-lemin, bil-konsegwenza li qabditlu idu l-leminija. Saħaq li huwa għajjat lil Matthew Bartolo, sieħbu, biex ifittex jitfi l-magna, u fil-pront inġabru diversi ħaddiema sabiex jassistuh.

Spjega li fil-ħin tal-inċident huwa ħass xi ħaġa taħraq ħafna ma’ idu l-leminija u ra ħafna demm, u wieħed mis-swaba’ imdendel biss mill-ġilda. Wara l-inċident huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza, u qal li ġie operat dakinhar stess wara nofsinhar. Xi ġranet huwa kellu jerġa’ jagħmel intervent ieħor sabiex is-saba’ l-werrej jiġi amputat, u r-rikorrent qal li għandu saba’ ieħor li baqa’ ma jiffunzjonax tajjeb wara l-inċident.

Kompla jgħid li fiż-żmien li fih hu kien qiegħed jirkupra minn dan l-inċident, kien sar jaf li fl-istess post tax-xogħol kien tilef ħajtu Matthew Bartolo, li kien l-unika persuna li ra l-inċident tar-rikorrent iseħħ għaliex kien qiegħed jassistih.

Martu tgħid li l-ħajja ta’ żewġha ġiet affettwata b’mod negattiv

Mart il-vittma qalet li qalet li l-inċident li kellu żewġha fuq il-post tax-xogħol affettwa l-ħajja tal-familja tiegħu drastikament, u ħalla impatt negattiv fuq il-ħajja tal-familja kollha, partikolarment fuq il-ħajja ta’ żewġha.

Ix-xhud qalet li r-raġel tagħha kien bniedem tas-sengħa, li issa qiegħed jaħdem bħala delivery-man minħabba fillimitazzjonijiet li għandu f’saħħtu. Qalet li wara l-inċident il-karattru tar-raġel tagħha nbidel ħafna, u sar nervuż u aggressiv.

Tenniet ukoll li żewġha ma baqax raġel indipendenti kif kien qabel l-inċident, u għandu bżonn l-għajnuna flaffarijiet bażiċi ta’ kuljum. Qalet li anki d-delizzji li kellu qabel, m’għadhomx jinteressawh minħabba fil-limitazzjonijiet li qiegħed jesperjenza f’saħħtu.

Fir-rapport tal-Espert Tekniku Ġudizzjarju John Scerri qal li l-inċident seħħ għaliex kien hemm parti mis-‘safety features’ tal-magna li ma kinux qegħdin jaħdmu kif suppost.

Huwa elenka diversi nuqqasijiet gravi min-naħa tal-kumpanija għal dik li hija s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, u stabbilixxa li l-‘motion sensor’ ma kienx effettiv biex iwaqqaf il-magna milli tkompli għaddejja. Fil-fehma tal-Inġinier John Scerri, kien hemm riskju li ma ġiex stmat biżżejjed mill-kumpanija, u kien hemm ‘safety checks’ li kellhom jiġu attwati minnha, iżda li ma sarux jew ma sarux kif suppost.  

Scerri qal wkoll li ma kien hemm l-ebda dokument li juri li tali taħriġ lill-ħaddiema ingħata, u l-ħaddiema ma kinux lebsin PPE adegwat fuq il-lant tax-xogħol, almenu fl-ewwel żewġ okkażjonijiet meta huwa żar il-fabbrika u li hija ma kinitx tieħu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ ħaddiema li jonqsu milli josservaw ir-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post taxxogħol.

John Scerri tenna wkoll li wara l-inċident in kwistjoni, il-kumpannija ma għamlet l-ebda ‘risk analysis’, u ma kien hemm l-ebda ‘equipment inspection report’ disponibbli li seta’ faċilment jingħatalu. Il-kawża  tal-inċident kienet li l-pożizzjoni tal-‘motion sensor’ tal-magna li kien qiegħed jaħdem fuqha l-vittma, li għal dak li jirrigwarda l-għoli u d-distanza bogħod mix-xafra tal-magna, mhumiex effettivi għal persuna ta’ statura kbira jew twila.

Il-Qorti ddeċidiet li l-kumpanija trid tħallas kumpens adegwat lil Camilleri, li jiġi kkalkulat skont is-salarju tiegħu u l-firxa tal-ġrieħi tiegħu. L-avukati Charlene Grima u Carina Nagiah irrappreżentaw lil Camilleri.