Lokali

“L-attakk fuq l-istituzzjoniet qed idgħajjef id-demokrazija ta’ pajjiżna” – PN

“L-attakk fuq l-istituzzjoniet qed idgħajjef id-demokrazija ta’ pajjiżna. U quddiem dan kollu, għandna Prim Ministru li qed jibqa’ sieket u ma jieħu ebda azzjoni”.

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina u mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.

Karol Aquilina għamel referenza għad-diskors tal-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield fejn infexx f’attakk fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżjna… fuq il-Qrati, lil-Maġistrati, il-Pulizija, l-Ombudsman, is-soċjeta ċivili u l-ġurnalisti.

Huwa qal li dan id-diskors huwa inaċċettabbli u għandu jsib il-kundanna ta’ kulħadd b’mod speċjalment tal-Prim Minsitru Robert Abela… b’Abela għadu sa sissa ma qal xejn u ma ħa ebda azzjoni. Dan in-nuqqas ta’ azzjoni jagħmlu kompliċi mal-attakk ta’ Bedingfield fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Karol Aquilina qal li din l-attitudni tal-Gvern mhux tgħin biex biex pajjiżna joħroġ mil-lista l-griża.  Dan għaliex Robert Abela qed jagħżel li flok jiddefendi l interessi ta’ pajizna qed jagħżel li jiddefendi lill predeċessur tiegħu Joseph Muscat u l-abbużi kollha li saru taħt it-tmexxija tiegħu.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li dak li pajjiżna esperjenza t-Tlieta fil-Parlament huwa ħolqa f’katina tas-sitwazzjonijiet li qed naraw iseħħu f’pajjiżna.

Huwa qal li meta Deputat tal-Gvern jattakka lill-ġudikatura jwassal għal sitwazzjoni inkwetanti għal pajjiżna u jxekkel il-ħidma ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Il-Gvern Laburista jrid li kulħadd ixejjer il-bandiera tiegħu… u għalhekk il-ħdima ta’ dawn l-istituzzjonijiet hija kruċjali. Robert Cutajar qal li dan kollu huwa turija ċara ta’ Gvern li ma jinteressahx mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.  

Quddiem dan kollu Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iħares lejn il-prijoritajiet l-iktar importanti sabiex pajjiżna jerġa’ jitpoġġa fejn verament jixraqlu.