Edukazzjoni Lokali

L-istudenti jifriżaw u fil-Ministeru komdi għas-sħana

“Filwaqt li l-persuni fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u dipartiment oħrajn li jaqgħu taħt l-istess ministeru qed ikollhom l-arja kkundizzjonata biex ma jħossux kesħa, l-istudenti u l-edukaturi qed jitħallew jifriżaw fl-iskejjel.” – Huwa dan is-sentiment li qajmet il-Union tal-Għalliema fi stqarrija li fiha spjegaw is-sitwazzjoni tal-biki li tħallew fiha l-iskejjel.

L-MUT saħqu li l-membri taħghom rrappurtaw li t-temperaturi ta’ ġewwa u ta’ barra fl-iskejjel huma prattikament l-istess, prinċipalment minħabba l-protokolli tas-saħħa li jeħtieġu li l-bibien u t-twieqi jinżammu miftuħa u minħabba nuqqas ta’ sistemi li jikkontrollaw it-temperaturi fosthom nuqqas ta’ materjal ta’ insulazzjoni u manutenzjoni limitata fil-biċċa l-kbira tal-iskejjel.

Il-union saħqet li “Il-ħtieġa li jiġu riveduti l-iskedi tal-manutenzjoni biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet diġà ġiet kondiviża mal-Ministeru waqt laqgħat li saru fil-jiem li għaddew. Filwaqt li sfortunatament m’hemmx soluzzjoni immedjata għal din is-sitwazzjoni, anke minħabba l-protokolli tas-saħħa attwali, l-MUT tinnota li x-xogħol li jagħmlu l-edukaturi f’kundizzjonijiet ħżiena bħal dawn għadu mhux apprezzat minn xi individwi, inkluż persunal fl-istess Ministeru u Direttorati.”