Fi stqarrija separata l-MFA kif ukoll l-MOC esprimew id-diżappunt tagħhom dwar l-aħħar miżuri tas-saħħa li tħabbru mill-Ministru Chris Fearne. Fil-Parlament Chris Fearne ħabbar li ċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jkun aktar obbligatorju għall-persuni li jidħlu f’ristoranti, bars, fiċ-ċinema u fit-teatri.
Madanakollu ma’ din il-lista ma kienx inkluż l-isport fejn persuni li jattendu avvenimenti sportivi se jkunu obbligati juru ċ-ċeritifkat tal-vaċċin.
L-MFA irrimarkat li din hija daqqa ta’ ħarta għal dawk kollha involuti fl-isport inkluż għall-atleti, assoċjazzjonijiet, coaches, partitarji u voluntiera, li ilhom għall-aħħar sentejn jaffaċċjaw problemi finanzjarji kawża tal-pandemija.
Min-naħa l-oħra l-MOC qalu li l-isport mhux qed jingħata l-importanza mistħoqqa mill-Gvern u mill-awtoritajiet tas-saħħa. L-MOC saħqu li dawn il-miżuri se jkomplu jxekklu l-preparazzjoni għall-avvenimenti sportivi importanti fil-kalendarju sportiv fosthom Il-Logħob tal-Commowealth u il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
L-MFA saħqet ukoll li dawn il-miżuri qed jagħtu l-ideja żbaljata li persuni involuti fl-isport biss għandhom jkunu vvaċinati bil-booster. Intant, iż-żewġ assoċjazzjonijiet appellaw lill-Gvern biex jagħti l-importanza mistħoqqa lill-isport f’pajjiżna filwaqt li ma jiddiskriminax bejn industrija u oħra.
//= $special ?>