Lokali Qorti

Mixli li ħebb għall-Pulizija li ppruvaw iwaqqfuh milli jhedded żewġ nisa

Anzjan ta’ 73 sena minn Ħal Tarxien ġie mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li nhar it-Tnejn bejn l-4.00pm u s-7.00pm meta kien Ta’Qali faċċata tal-ambaxxata Amerikana ħebb għall-kuntistabbli  waqt il-qadi ta’ dmirijetu. L-Ispettur Andrew Agius qal fil-Qorti li l-Pulizija kien ‘fixed point’ mal-ambaxxata u wara li sema’ l-istorjbu u mar jara x’kien qed jiġri allegatament raha lil Charlon Privitelli jgħajjat u jinsulenta mara u lil bintha li kienu f’karozza f’parkeġġ.

Qal li meta pprova jikkalma s-sitwazzjoni l-akkużat ipprova jigdem lill-Pulizija u għaldaqstant huwa qed jiġi mixli li heddu u li wkoll hedded Surġent tal-Pulizija li kien ukoll preżenti. Privitelli ġie mixli wkoll li kkaġuna ferita ħafifa fuq il-kuntistabbli, u li ta bidu għal eżekuzzjoni ta’ delitt, li ma ġiex esegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu.

L-anzjan ġie mixli wkoll li naqas milli jobdi l-ordnijiet leġittimi mogħtija lilu miż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt li kienu qed jaqdu d-doveri tagħhom, u li fixkilhom mill-qadi ta’ dmirijiethom. Ġie mixli wkoll li ta l-partikolaritajiet tiegħu lill-Pulizija b’mod falz, li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża fuq żewġ nisa u li hedded u insulenta bil-kliem u modu oħra lil waħda minnhom. Privitelli ġie mixli wkoll li kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika.

L-Avukat Veronique Dalli li flimkien mal-Avukat Dean Hili deheret għall-akkużat qalet li kienet tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest u dan fuq diversi binarji fejn minbarra li huwa pensjonant, u li huwa eks ‘serviceman’ u li għandu l-kondotta nadifa, u għaldaqstant f’kelma waħda mhux bniedem perikoluż.

L-Avukat Dalli qalet li l-argument jidher li eskala meta l-Pulizija ppruvaw jimmanettjawh. L-Ispettur Agius qal li ma kienx qed joġġezzjona bil-kundizzjoni li ma jersaqx u jkollu kuntatt mal-allegati vittmi. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €2,000 u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid darba fil-ġimgħa.