Internazzjonali

Renju Unit: Boris Johnson jinsisti li mhux se jirriżenja minn Prim Ministru

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson għamilha ċara li mhux se jirriżenja mill-kariga u qed jinsisti li l-Gvern tiegħu ‘ħa d-deċiżjonijiet tajbin kollha’ fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.

Intant, Johnson għadu taħt pressjoni dwar l-aġir tiegħu fil-konfront ta’ numru ta’ festini li saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) fi żmien meta l-poplu Britanniku kien kostrett għall-kundizzjonijiet diffiċli tal-lockdown b’kaġun tal-pandemija.

Iżda waqt li l-Oppożizzjoni fil-House of Commons (Parlament) kompliet tinsisti li Johnson ‘ma wera l-ebda rispett lejn il-poplu’ id-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern jidhru li qed jagħtu appoġġ akbar lill-Prim Ministru.

Ħafna mid-deputati Konservattivi qalu li kellhom jistennew għar-rapport mill-inkjesta dwar l-allegat skandlu tal-festini ( li kienu saru fl-2020) li qed tmexxi Sue Gray, uffiċjali ewlenija maċ-ċivil.

L-istess deputati mhumiex qed iwieġbu direttament għall-mistoqsijiet jekk Johnson jitlifx postu bħala Prim Ministru u Kap Konservattiv f’każ li l-inkjesta ssibu ħati dwar abbuż tar-regoli tal-Covid.

Ir-rapport ta’ Sue Gray mistenni li joħroġ minn ħin għall-ieħor……..Dan waqt li l-Oppożizzjoni Laburista qed issejjaħ biex dan ir-rapport ikun ippubblikat bis-sħiħ.

Sadanittant, il-Pulizija Metropolitana fetħet l-investigazzjoni tagħha dwar l-allegati abbuż tar-regoli tal-Covid fis-sede tal-poter tal-Gvern f’Downing Street u Whitehall.

Boris Johnson, fl-aħħar sigħat, insista li se jkun qed jippreżenta l-investigazzjoni li qed issir dwaru skont il-parir li qed jagħtuh il-Pulizija u ladarba l-uffiċjali tal-liġi jlestu l-istħarriġ tagħhom. Il-Prim Ministru Britanniku qal ukoll li lest biex jgħin f’dak kollu li jkun mitlub mill-Pulizija. 

Fl-istess ħin, Boris Johnson tenna li bħalissa, il-Gvern tiegħu qed isaħħaħ politika li tkattar l-investiment fil-poplu u b’mod partikulari l-fondi li għandhom imorru lis-servizzi tas-saħħa Britanniċi (NHS).

Intant, il-Kap tal-Partit Laburista Britanniku, Keir Starmer, kien suġġett għal kritika qawwija anki mingħand is-sostenituri tiegħu dwar il-mod kif hu qed jaġixxi b’relazzjoni mal-allegat skandlu. Ħafna deputati, inklużi Laburisti, qed jgħidu li l-Partit Laburista fl-Ingilterra għandu jiffoka aktar fuq temi li jaffetwaw l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.