Internazzjonali

Sirja: ‘Terroristi megħluba’ wara ġlied qalil

Alleanza ta’ milizzji mmexxija mill-Kurdi qalet li ħadet lura l-kontroll ta’ kumpless ta’ ħabs fil-grigal tas-Sirja u li kien ilu diversi jiem f’idejn it-terroristi tal-moviment ISIS. It-terroristi kienu assedjaw il-kumpless bil-ħsieb li jeħilsu mijiet ta’ terroristi ‘kollegi’ mill-priġunerija – u fl-aħħar sigħat kelliema għall-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja qalu li l-ġellieda tal-ISIS ‘ċedew kollha’ lill-milizzji Kurdi.

Il-ġranet ta’ ġlied konsekuttivi bejn l-ISIS u l-Kurdi seħħew fil-ħabs ta’ Ghwayran, f’Hasakah – u meta diversi mijiet ta’ tfal spiċċaw maqbudin fil-faċilità waqt il-kumbattimenti. Mietu madwar 200 persuna – fil-parti kbira nett terroristi – waqt il-jiem ta’ ġlied mindu l-ISIS ippruvaw iħarrbu lill-priġunieri mill-kumpless.

Filwaqt li l-milizzji Kurdi ħadu l-kontroll ta’ kważi l-kumpless kollu, is-sorsi indipendenti fis-Sirja xorta waħda ma eskludewx għall-‘preżenza kontinwa tal-ISIS’ f’dik iz-zona partikulari ta’ Hasakah.