Sport Waterpolo

Sliema b’appuntament fil-finali tal-Enemed Cup kontra San Ġiljan

Rapport: Stewart Said

Għat-tielet darba fl-istorja tal-Enemed Cup, San Ġiljan Mercury Towers u Sliema Frank Salt se jkunu qed jikkontestaw il-finali. Dan wara li fiż-żewġ semifinali għelbu lil Exiles u Neptunes rispettivament. Kif mistenni, il-konfront ta’ Sliema kien aktar diffiċli u kien biss fl-aħħar minuti tal-logħba li għalqu l-logħba. Minkejja li s-Slimiżi kienu ftit aħjar, id-distakk finali ta’ erba’ gowls ma jagħmilx ħaqq mat-tim żagħżugħ ta’ Neptunes.

Għal Sliema rritornaw Liam Galea, Benji Cachia u Matthew iżda xorta kellhom lil Jerome Gabarretta u Jamie Gambin assenti. Neptunes fuq in-naħa l-oħra, kienu mingħajr il-plejers regolari Stevie Camilleri, Jake Muscat, Jeremy Abela, l-aħwa Michael u James Spiteri Staines, Alec Fenech u Sam Gialanze. Fatt determinanti kien li għajr ftit minuti fit-tieni sessjoni, Neptunes ma kellhomx il-vantaġġ u dan wassal biex kellhom jiġru wara r-riżultat.

Wara li fl-ewwel parti l-logħba kienet maqsuma, Sliema ħadu vantaġġ doppju minn Dino Zammit u Liam Galea. Reazzjoni minn Neptunes li sa żewġ minuti wara għamlu l-iskor 4-4 iżda Galea ħalla lil Sliema minn fuq b’gowl minn man-up. Fl-aħħar sessjoni, Jordan Camilleri skorja minn man-up biex reġa’ ġab id-draw. Iżda proprju fl-azzjoni sussegwenti, Jayden Cutajar poġġa lil Sliema minn fuq,  bl-istess plejer żagħżugħ jagħmilhom 7-5. Neptunes pruvaw jirkupraw iżda t-tamiet sfaxxaw minuta mit-tmiem bil-gowl ta’ Dino Zammit, b’Kieyan Borg jissiġilla r-rebħa.

Fl-ewwel logħba tal-ġurnata, San Ġiljan aċċertaw li jżommu mar-rekord pożittiv li jaslu sal-finali tal-Enemed Cup kull edizzjoni. Kif jixhed ir-riżultat finali, San Ġiljan ma sabux diffikultà biex jaċċertaw mir-rebħa kmieni fil-konfront. Disa’ gowls fl-ewwel sessjoni, erbgħa minnhom ta’ Nikolai Zammit, taw distakk ta’ 9-2, liema distakk kien diġà indika l-logħba fejn sejra. Għalkemm Exiles pruvaw jibqgħu fil-logħba, il-preċiżjoni tal-plejers Ġiljaniżi għamlitha diffiċli għalihom.

B’vantaġġ ta’ 14-5 fil-bidu tat-tielet sessjoni, San Ġiljan saħansitra skorjaw sitta mingħajr risposta, bil-captain Matthew Zammit jiskorja tlieta minnhom. Tul l-aħħar żewġ sessjonijiet, spazju wkoll għal dawk il-plejers li ftit isibu spazju, b’San Ġiljan jibqgħu jiddettaw.

SLIEMA FRANK SALT…………. 9

NEPTUNES…………………………. 5

(1-1), (1-1), (3-2), (4-1)

Sliema: N. Grixti, J. Saliba, L. Galea (2), D. Rizzo, M. Meli, B. Cachia, J. Cutajar (2), M. Mifsud, J. Brownrigg (1), K. Borg (1), Z. Mizzi, Di. Zammit (3), A. Theuma

Neptunes: A. Borg Cole, M. Zammit, M. Farrugia, G. Pace (2), J. Cachia (2), L. Mallia, M. Castillo, J. Camilleri (1), R. Galea, M. Spiteri Staines, D. Bugeja, B. Zammit, M. Farrugia, E. Mallia, C. Cutajar

Referees: Alex de Raffaele, Massimo Angileri

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS…… 25

EXILES………………………………………………. 8

(9-2), (5-3), (6-0), (5-3)

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, A. Galea (3), D. Fero (1), R. Caruana (1), M. Zammit (6), M. Ortoleva (4), D. Tully, N. Zammit (6), Da. Zammit (2), N. Schiavone (1), G. Vassallo, F. Scardino (1)

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris (1), T. Sullivan (3), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti, N. Paris, J. Bajada (1), M. Aquilina (2), D. Fenech (1), G. Borg, L. Gialanze, M. Martellacci

Referees: Ronnie Spiteri, Peter Balzan

Logħob li jmiss

Finali

Is-Sibt

San Ġiljan v Sliema        4.00pm