Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li għandu jikkunsidra l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ‘personali’ għall-President Russu Vladimir Putin f’każ li r-Russja tibgħat lit-truppi tagħha fl-Ukrajna.
Biden wissa mill-ġdid dwar ‘il-konsegwenzi kbar għad-dinja’ f’każ ta’ invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi – bil-Mexxejja l-oħra tal-Punent ukoll jirrepetu t-twissijiet li ‘ir-Russja tispiċċa tħallas bil-kbir għal kwalunkwe invażjoni (tal-Ukrajna)’.
Intant, ir-Russja ma dehritx affettwata mit-theddid u baqgħet takkuża lill-Istati Uniti u l-alleati tal-Punent b’li qed ‘jeskalaw it-tensjoni’ dwar is-sitwazzjoni mal-fruntiera tal-Ukrajna. Dan waqt li Moska għadha tinsisti li mhix qed tippjana invażjoni tat-territorji Ukreni – u minkejja li għad hemm ‘il fuq minn 100,000 suldat Russu stazzjonati mal-fruntiera komuni.
Il-Kremlin ta’ Moska, fl-istess ħin, qed jara l-Alleanza tan-NATO bħala theddida lis-sigurtà ta’ pajjiżu u qed jinsisti għall-garanziji legali li n-NATO ma tkomplix tespandi l-influwenza tagħha lejn l-Ewropa tal-Lvant. Moska insistiet ukoll li l-Alleanza ‘taħt l-ebda ċirkustanzi ma trid tammetti lill-Ukrajna bħala membru’.
Sadanittant, l-Istati Uniti qed tagħmilha ċara li l-Ewropa u d-dinja spiċċaw f’din is-sitwazzjoni inċerta minħabba l-aggressjoni tar-Russja u mhux b’kaġun tal-espansjoni potenzjali tan-NATO. Fl-aħħar sigħat id-diplomati tar-Russja, l-Ukrajna, il-Ġermanja u Franza kienu qed jiltaqgħu f’Pariġi biex jiddiskutu t-tensjoni mal-fruntiera Ukrena.
//= $special ?>