Lokali

Wara li telaq ‘il barra, Konrad Mizzi jerġa’ jitfaċċa quddiem il-PAC u xorta ma wieġeb għall-ebda mistoqsija

F’seduta oħra tal-PAC wara kważi 10 sigħat ta’ ‘oral presentation’, illum kien imiss li Konrad Mizzi jwieġeb għad-domandi dwar id-deal tal-Electrogas pero appena lesta l-preżentazzjoni u bdew il-mistoqsijiet, l-eks Ministru tal-Labour qam u telaq ‘il barra.

Konrad Mizzi ma riedx iwieġeb kemm ilu jaf jew jekk jafx lil Brian Tonna, lil David Galea, lil Joseph Muscat, lil Keith Schmebri, lil Tom Leanard u lil Zven Latter.

Appena ħarab mill-mistoqsijiet, il-membri tal-Gvern Laburista fuq il-bord, bi Glen Bedingfield fuq quddiem, ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-membri tal-Partit Nazzjonalista li kienu qed jistaqsu dwar il-proġett tal-Electrogas.

Wara ftit Konrad Mizzi tfaċċa fil-plenarja tal-Parlament u għamel diskors dwar ir-ruling li xtaq jagħmel.

Konrad Mizzi kien ordnat jerġa’ jidħol quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi biex ikompli jwieġeb għad-domandi u s-seduta ġiet sospiża sakemm l-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista jinstab mill-marixxal u jinġieb lura quddiem il-bord.

Madwar 10 minuti wara, Konrad Mizzi reġa’ tfaċċa, akkumpanjat miż-żewġ avukati tiegħu iżda baqa’ ma ried iwieġeb għall-ebda mistoqsija.

Il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield ħa ħsieb li jiddefendi lil Konrad Mizzi meta ma riedx iwieġeb meta iltaqa’ l-ewwel darba ma’ Joseph Muscat u Keith Schembri. Konrad Mizzi ma wegibx dwar relazzjonijiet li għandu maċ-Ċina, iżda hawnhekk Glen Bendingfield qabeż u fakkar li l-mara ta’ Mizzi hija miċ-Ċina. Wieħed tajjeb ifakkar ukoll li Sai Mizzi kienet titħallas 13,000 Ewro minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.

Diversi persuni li segwew ix-xandira tal-PAC innutaw kif Konrad Mizzi beda jdur lejn il-membri tal-Gvern fuq il-bord u deher qisu qed jitlob l-approvazzjoni tagħhm fuq dak li beda jgħid.

Matul it-tieni parti tas-seduta, Konrad Mizzi infexx f’attakk fuq id-Deputati tal-PN li jiffurmaw parti mill-bord tal-PAC fejn l-eks Ministru tal-Enerġija saħansittra qal “mhux se npaxxikhom.. mhux se nwieġeb.”

F’mumenti minnhom, il-membri tal-Gvern fuq il-PAC u Konrad Mizzi nfaqqaw jidħqu bil-mistoqsijiet li kienu qed isiru. Pero fuq kollox, mistoqsi dwar id-deal tal-Electrogas li l-Awditur Ġenerali sab nuqqasijiet fuqu, deal li għalih Konrad Mizzi u l-Partit Laburista użaw miljuni minn flus il-poplu, Konrad Mizzi ma’ riedx iwieġeb.

Waqt li komplew il-mistoqsijiet li bdew ġejjin mid-Deputati Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus, wieħed seta’ jinnota li l-membri tal-Gvern kienu iktar iffukati fuq it-tablets, il-laptops u l-mobiles tagħhom milli fuq dak li kien qed jaħrab minnu Konrad Mizzi.