Ekonomija Kummerċ Lokali

X’qalulna n-nies dwar il-prezzijiet li qegħdin dejjem jiżdiedu?

Xahar wara l-ieħor, l-għoli tal-ħajja qed ikun ta’ piż għal ħafna haddiema, anzjani, familji u pensjonanti – piż li qed iwassal biex wieħed bilkemm jirnexxilu jlaħħaq bil-paga sal-aħħar tax-xahar.

Tmur fejn tmur, dan it-tħassib jinsab fuq fomm kulħadd… kif ikkonfermajna l-Erbgħa filgħodu meta żorna t-toroq tal-Belt Valletta.

Meta saqsejna lin-nies jekk hux qed jiċċaħdu minn affarijiet li qabel kienu jixtru, ħafna saħqu li qed joqgħodu iżjed attenti x’affarijiet jixtru.

U mistoqsija jekk iħossux li hemm bżonn xi forma t’għajnuna mill-Gvern, kulħadd kelma waħda – li l-Gvern irid jgħin lin-nies illum qabel għada.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika matul din il-ġimgħa kkonfermaw żieda ta’ aktar minn 5% fi prezzijiet ta’ prodotti tal-merċa – żieda li ċertament tirrifletti r-realtà tal-ħajja li l-poplu qed ikollu jħabbat wiċċu magħha meta joħroġ jixtri.

Apparti mill-ikel…hemm żidiet kbar li qed jidhru fil-prezzijiet tal-mediċini, u anke fil-prezz ta’ prodotti tal-ħasil. Dan flimkien mas-serq ta’ miljuni mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li qed jittieħdu mill-bwiet tal-familji xahar wara l-ieħor.