Internazzjonali

Covid-19: Daqshekk maskri u ‘Covid passes’…bl-Ingilterra qed tħares lejn il-futur

Il-maskri u l-passes tal-Covid fl-Ingilterra mhumiex se jibqgħu rikjesti skont il-liġi – bil-Gvern ta’ Londra qed jirrilaxxa r-regoli tal-Pjan B, b’effett millum, il-Ħamis. Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid, qal li l-miżuri tas-sigurtà relatati mal-pandemija setgħu jitneħħew grazzi għas-suċċess tal-programmi tat-tilqim kontra l-Covid kif ukoll għall-fatt li d-dinja medika qed tifhem aħjar x’inhu l-aħjar trattament għall-Covid.

Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson qalu li l-ilbies tal-maskri fl-Ingilterra, minn issa, se jkunu ‘kwistjoni għall-ġudizzju personali’.

Madankollu is-sidien ta’ diversi ħwienet fl-Ingilterra qalu li se jkomplu xorta waħda jitolbu lill-klijenti tagħhom biex jilbsu l-maskri. L-ilbies tal-maskri għandu jibqa’ kundizzjoni għan-nies li jridu jidħlu fi stabbilimenti popolari bħal Tesco, Sainsbury’s, John Lewis u Morrisons

L-operaturi tas-servizzi tal-ferrovija fl-Ingilterra qalu li qed jistennew li l-passiġġieri xorta waħda jilbsu l-maskri waqt il-vjaġġi. Iżda l-kelliema sostnew ukoll li huma se jinkoraġġixxu l-ilbies tal-maskri aktar milli jinfurzaw lin-nies biex jilbsuhom ta’ bilfors..

Fi żviluppi oħra, l-Italja rappurtat tnaqqis fl-ammonti tal-każi ġodda tal-Covid-19 għall-perjodu bejn id-19 u l-25 ta’ Jannar. It-tnaqqis fl-infezzjonijiet hu l-ewwel fil-pajjiż għal tlettax-il ġimgħa, bl-istatistika toħroġ mill-fondazzjoni medika GIMBE.

Jidher ukoll li naqsu n-numri tal-pazjenti fit-taqsimiet għall-kura intensiva fl-isptarijiet u meta kważi 100,000 ċittadin Taljan li għandhom ‘il fuq min ħamsin sena ngħataw l-ewwel tilqima kontra l-Covid fl-aħħar ġimgħa. Dan meta l-Gvern Taljan għamilha obbligatorja biex iċ-ċittadini ta’ ‘il fuq min 50 sena jkunu vaċċinati kontra l-virus sa nofs-Frar.