- Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia
Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet biex jimplimenta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qalet li qed jitressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi għaliex inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Dan l-Abbozz ta’ Liġi qed jitressaq għaliex b’dak li għamel l-Istat inqatlet Daphne Caruana Galizia. U issa rridu nipproteġu l-ħajja ta’ għadd ta’ ġurnalisti li jaqdu d-dover tagħhom u ħadd m’għandu jagħmel xejn biex ixekkel ix-xogħol tal-ġurnalisti.
Hi qalet li Inkjesta Pubblika sabet li dan l-Istat naqas milli jipproteġi l-ħajja ta’ persuna… f’dan il-każ il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-Inkjesta Pubblika qalet li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal dan id-delitt minħabba li kkrea atmosfera ta’ impunità fil-pajjiż sal-punt li f’pajjiżna seħħ kollass tas-Saltna tad-Dritt.
Kellha tkun l-Oppożizzjoni li qed tressaq dawn il-proposti leġislattivi u dan biex ċittadini f’pajjiżi jkunu protetti u jingħataw ambjent san fejn ikunu jistgħu jaħdmu b’serħan il-moħħ. L-Oppożizzjoni kellha l-kuraġġ li l-Gvern ma sabx fl-aħħar seba’ xhur. L-Oppożizzjoni poġġiet għad-diskussjoni l-proposti li għamel il-Bord tal-Inkjesta Pubblika li indika numru ta’ proposti f’żewġ oqsma separati… proposti leġislattivi u proposti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Fejn jinsabu l-proposti leġislattivi tal-Gvern? Min rahom? Forsi l-Gvern qed iżommhom mistura għaliex ma jilħqux l-istandards internazzjonali. Dak li qed jagħmel il-Gvern hu li jmur kontra l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika.
Hi qalet li hu importanti li lill-ġurnalisti nħalluhom jaħdmu f’ambjent san. Għaliex Ministri ma jweġbux il-Mistoqsijiet Parlamentari u saħansitra anqas iwieġbu l-mistoqsijiet li jibagħtulhom direttament il-ġurnalisti. Għandu jkun hemm rikonoxximent tal-libertà tal-ġurnalisti.
//= $special ?>